Kmieni dalgħodu għall-ħabta tas-00:45, tifel ta' 7 snin kien involut f'inċident stradali fi Triq ix-Xatt, Sliema.
Il-Pulizija tad-Distrett marru mmedjatament fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari rriżulta li waqt li tifel ta’ 7 snin kien qiegħed jaqsam it-triq, intlaqat minn karozza li kienet għaddejja minn hemm dak il-ħin.
It-tifel ittieħed immedjatament l-Isptar Mater Dei biex jingħata l-kura meħtieġa, fejn aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi, iżda ma jinsabx fil-periklu tal-mewt.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.