It-tfittxija għall-ajruplan tal-EgyptAir għadha għaddejja

Dak li kien maħsub bħala t-tifrik tal-ajruplan, irriżulta li ma kienx hekk

It-tfittxija għall-ajruplan li lbieraħ sparixxa minn fuq ir-radar, issa daħlet fit-tieni jum tagħha. It-titjira MS804 kienet fi triqtha lejn il-Kajr fl-Eġittu, mill-ajruport Charles De Gaulle tal-kapitali Franċiża.

Waqt tfittxijiet ilbieraħ fil-Mediterran fejn kien maħsub li sparixxa s-sinjal minn fuq ir-radar, instab xi tifrik li kien maħsub li huwa ta' dan l-ajruplan tal-linja Eġizzajna. Minkejja dan, meta dawk li kienu qed jagħmlu tfittxija marru eqreb lejn dak li kien maħsub li huwa tifrik, irriżulta li dan ma kienx hekk.

Għadu mhux magħruf x'kienet il-kaġuni tal-waqgħa tal-ajruplan, li qatel lil dawk kollha li kienu abbord, li jammontaw għal 66. Mhux qed jiġi eskluż li r-raġuni kienet xi attakk terroristiku, u din il-konklużjioni hija iktar probabbli milli xi ħsara teknika. Minkejja dan, fl-24 siegħa ta' qabel ma' sparixxa, l-ajruplan għamel waqfiet f'Asmara fl-Eritrea, Kajr fl-Eġittu, Tunis fit-Tunisija, u minn hemm lura lejn il-Kajr, qabel ma mar lejn Pariġi biex jibda t-titjira MS804. Il-viċi chairman ta' EgyptAir Ahmed Adel qal li f'kull waqfa li saret saru t-tfittxijiet neċessarji ta' sigurtà.

More in Kronaka