Birdlife Malta qalet li l-iżvilupp propost ta’ barriera f’ODZ (Outside Development Zone) f'Wied Moqbol se jhedded kolonji sħaħ ta’ tjur tal-baħar.
Fi stqarrija, l-għaqda qalet li qed jopponu bil-qawwa dan l-iżvilupp u talbet lill-MEPA biex tassumi r-responsabbilitajiet tagħha.
Dan ifisser il-qerda ulterjuri t’art naturali, strettament protetta taħt id-direttivi ta’ l-Għasafar u l-Abitati tal-Unjoni Ewropea bħala sit Natura 2000, u l-iżvilupp ser ikompli jiggrava u jaffetwa ħażin kolonji ta’ tjur tal-baħar importanti fuq livell internazzjonali partikolarment iċ-Ċief u l-Garni. Il-Garnija hija elenkata bħala Vulnerabbli fir-Redlist tal-IUCN - Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura.
Dawn iż-żewġ speċi t’għasafar huma sensittivi lejn tniġġis tad-dawl u ħsejjes, u aktar xogħlijiet ta' żvilupp u skavar ser ikun ta’ dannu kbir għall-abitat li jbejtu fih dawn l-għasafar.
Birdlife Malta qalet li fid-dawl ta’ dawn il-fatti hi tinsisti li l-partijiet interessati kollha fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, b'mod partikolari il-MEPA, tkompli tassumi r-responsabilita u jitwaqqaf dan l-iżvilupp bla bżonn u distruttiv f’ODZ.