Erba’ persuni jweġġgħu f’inċident tat-traffiku

Persuni jweġġgħu fil-lejl tal-Milied f'San Pawl il-Baħar uħud minnhom b'mod gravi

Matul il-lejl li għadda, għall-ħabta tas-1.30am, il-Pulizija kienet infurmata li kien seħħ inċident tat-traffiku f’Telgħet ix-Xemxija, San Pawl il-Baħar. 

Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li kien seħħ impatt bejn żewġ vetturi tat-tip Nissan Micra u Peugeot Expert li kienu qed jinstaqu f’direzzjonijiet opposti. 

In-Nissan Micra kienet qiegħda tinstaq minn raġel Somalu ta’ 32 sena li joqgħod iż-Żebbuġ, Għawdex u flimkien miegħu kien hemm erba’ passiġġiera oħra, kollha rġiel mis-Somalja li għandhom 19, 20, 21 u 27 sena u kollha residenti Għawdex.  

L-erba’ passiġġiera ttieħdu l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza minħabba xi ġrieħi li sofrew, filwaqt Ii x-xufier ma sofra l-ebda ġrieħi. 

Il-vettura l-oħra kienet qiegħda tinstaq fid-direzzjoni lejn ix-Xemxija minn raġel ta’ 41 sena, residenti Ħaż-Żebbuġ u miegħu wkoll kellu passiġġier ta’ 56 sena li joqgħod San Pawl il-Baħar.  Dawn iż-żewġ persuni ma sofrew l-ebda ġrieħi.  

Iktar tard il-Pulizija ġiet infurmata li tnejn mill-passiġġiera li ttieħdu l-Isptar u li għandhom 20 u 27 sena ġew iċċertifikati li qegħdin isofru minn ġrieħi ta’ natura gravi filwaqt li l-oħrajn ġarrbu ġrieħi ħfief. 

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Kronaka