Ħabta bejn żewġ karozzi u mutur tħalli kuntistabbli ta' 48 sena fil-periklu tal-mewt. L-inċident seħħ iktar kmieni dalgħodu, għall-ħabta tas-sitta ta' filgħodu fiż-żona industrijali ta' San Ġwann.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post indikat lilha u minn stħarriġ preliminari rriżulta li kien għadu kemm seħħ inċident tat-traffiku bejn vettura ta’ tip Renault Captur misjuqa minn mara ta’ 32 sena residenti Birkirkara li kienet sejra fid-direzzjoni lejn San Ġwann, vettura ta’ tip Toyota Hi-Ace misjuqa minn raġel ta’ 69 sena residenti Ħal-Qormi li kienet ħierġa minn side street kif ukoll mutur tat-traffiku tal-Pulizija misjuqa minn kuntistabbli ta’ 48 sena li kien sejjer fid-direzzjoni lejn Birkirkara.
Fuq il-post issejħet l-assistenza medika li ħadet lill-Pulizija l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa.
Aktar tard, il-Kuntistabbli ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt. Iż-żewġ sewwieqa l-oħra ttieħdu l-Isptar ukoll, iżda mill-ewwel indikazzjonijiet ma jidirx li huma ġarrbu ġrieħi serji.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tal-Għassa ta’ Birkirkara għadhom għaddejjin.