Fi stqarrija maħruġa mill-assoċjazzjoni tal-piloti Maltin, ALPA-Malta, l-ALPA qalet li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għandu jagħti kumpens għat-telf li sofrew il-linji tal-ajru, fosthom l-Air Malta.
L-ALPA sejħet l-għeluq tal-ajruport minħabba l-qtugħ ta’ dawl u l-impatt li dan kellu fuq xi titjiriet bħala “fjask”. Kaġun tal-“fjask’ erba’ titjiriet tal-Air Malta lejn Malta kellhom jibdlu d-direzzjoni u jmorru Katanja u Palermo filwaqt li t-titjira minn Malta lejn Moska damet ħafna biex telqet. Titjira oħra minn Malta lejn San Pietruburgu kellu jinbidlilha l-ekwipaġġ billi d-dewmien għamilha impossibbli għall-ekwipaġġ oriġinali li jopera fil-parametri stabbiliti tal-ħinijiet fl-ajru.
L-ALPA qalet li għalkemm tifhem li minn żmien għal żmien jista’ jinqata’ d-dawl, ajruport internazzjonali bħal dak ta’ Malta għandu jkollu l-infrastruttura neċessarja biex jassigura servizz kontinwu, irrispettivament mill-provista tal-elettriku mill-impjanti nazzjonali.
L-assoċjazzjoni żiedet li l-operat fl-ajruport kien fil-fatt wieqaf għal ħafna iktar mill-25 minuta li semmiet l-MIA, kif jixhed id-dewmien estensiv fit-titjiriet. Sostniet li l-MIA għandha tinvesti l-flus meħtieġa f’tagħmir li jassigura servizz kontinwu.
L-ALPA saħqet li nhar it-Tlieta l-MIA ma onoratx l-obbligi tagħha għax ma pprovdietx is-servizz meħtieġ minkejja l-qtugħ tad-dawl. Għalhekk hija għandha tkopri t-telf li sofrew il-linji tal-ajru, speċjalment l-Air Malta.