‘Jien żgur mhux se mmur inkeskes il-Malti kontra l-barrani’
F’dan l-episodju ta’ Xtra, Saviour Balzan jitkellem ma’ Alex Muscat u Ryan Callus fuq il-problema tal-populazzjoni, b’kummenti mingħand David Spiteri Gingel
minn Ilenia Debono
David Spiteri Gingell: Meta nitkellmu li għandna bżonn nies barranin, qed nitkellem ukoll fuq value added services u manifattura fejn għandek ċerti industriji bħal dawk finanzjarji u tal-igaming, u oħrajn li hemm limitu kemm Malta tista’ tipproduċi. Hemm numru ta’ pajjiżi bħall-Awstralja u l-Ġermanja li kienu jimportawhom dawn in-nies għax ma kellhomx biżżejjed biex jipproduċu dak it-tip ta’ talent. It-tieni hija li aħna għaddejjin minn fenomenu li ħadd ma jsemmi, l-impatt li l-edukazzjoni kellha fuq l-upward mobility. Jien dħalt l-Università fl-1984, kemm kien hemm studenti? 450 ruħ? Mort nagħmel il-Masters fl-1990, biex tieħu borża ta’ studju trid tapplika mal-Commonwealth jew hekk u forsi jitilgħu sebgħa. Kont tiġi lura bħala wieħed mill-aħjar. Illum l-MCAST għandu ’l fuq minn 10,000 student, l-Università għandha wkoll ’il fuq minn 10,000. Programmi ta’ Masters u PHDs li anqas konna noħolmuhom fi żmieni. Ix-xejra tan-nies illum, Malta qatt ma kellha Maltin gradwati f’dawn il-livelli. Jiena kont naħdem l-Enemalta, u jien l-istil tal-immaniġġjar tiegħi kien iżjed prattiku, mhux magħluq f’uffiċċju. Waħda mill-affarijiet li veru kont nieħu pjaċir kienet li titkellem ma’ ħaddiem bla skola jew bi ftit skola u jgħidli li t-tifla tiegħu qed tistudja għal avukat, ieħor għal tabib, u forsi ngħinhom bis-CV. Din għandha konsegwenza, jiġifieri jekk qabel missierhom kien għal raġunijiet differenti jidħol f’xogħlijiet li huma ta’ livell “iż-żejt fil-magna” ngħidilha jien, it-tfal tagħhom bil-kwalifiki li għandhom żgur mhux se jidħlu għal dawn ix-xogħlijiet. Mela għandek popolazzjoni qed tiċkien, popolazzjoni li minnha parti qed tixjieħ u parti tant kemm hi edukata li taspira biex dak li studjat trendi l-valur minnu. X’jibqa’? Min se jagħmilhom dawn ix-xogħlijiet? Jien nixtieq nara kieku x’jiġri f’Malta jekk it-TCNs u l-barranin jagħmlu strajk ta’ ġurnata. Għidli x’jiġri? Malta tieqaf. Issa jien il-kumment kien, dawn jafuh. Il-PN fl-opinjoni tiegħi qatt ma poġġa pjan x’se jagħmel jekk jitla’ fil-gvern bit-TCNs. X’se tagħmel, tkeċċihom? Għalhekk dak kien kliem perikoluż. Mirakli ma jsirux.
Jien naħseb nistgħu nitkellmu b’dak il-mod. Pereżempju meta ġiet il-pandemija u l-ekonomija daħlet ġo tliet snin ta’ diffikultà, il-barranin, kemm Ewropej, kif ukoll it-TCNs, naqsu minn Malta. Hemm relazzjoni totali bejn it-tkabbir ekonomiku u x’għandek bżonn bħala kapital uman. Teknoloġiji jeżistu fejn robots imħarrġa sabiex jitkellmu mal-anzjani jiġifieri hemm elementi oħra, imma nitkellem għalija xejn minn dan mhu qed isir. Irrid nagħmel distinzjoni. Hija differenti li ġibt barrani b’mod legali għall-ekonomija bil-permess tax-xogħol u qed jikkontribwixxi għall-ekonomija bit-taxxa u l-bolla. Hija differenti minn dak l-illegali bħal dawk tal-Ingilterra li qed joħolqu ħafna tensjoni. Aħna għaddejna minn tal-immigrazzjoni irregolari meta ġie dak il-vapur tal-Arbanja żmien ilu. 400 ruħ illegali għal Malta huma kieku 100,000 daħlu l-Ġermanja. Imma mhux fuq dak qed nitkellem jien. Qed nitkellem fuq persuna ġenwina li ġibtu hawnhekk għax ma nistax insib Malti, għax il-Malti għandu aspirazzjonijiet differenti imma dak ix-xogħol li jrid isir. Il-mistoqsija hija: “min se jagħmlu dak ix-xogħol?”
Mistoqsija fuq fomm ħafna. Kemm huma fattibbli l-proposti tagħkom fil-qasam tal-infrastruttura, is-saħħa, u l-edukazzjoni?
RYAN CALLUS: L-ewwel nett, din mhux kwistjoni ta’ barranin imma kwistjoni ta’ popolazzjoni. Overpopulation. Aħna Malta l-aktar stat membru Ewropew li huwa densely populated, jiġifieri f’kull kilometru kwadru ta’ art, aħna fl-Ewropa l-iżjed li għandna nies joqogħdu f’kull kilometru kwadru. Mhux kemm għandna barranin f’Malta, il-politika li aħna qegħdin nitkellmu fuqha għax hija inkwetanti. L-iżjed inkwiet tal-Maltin, skont sondaġġi, huwa l-overpopulation; it-tieni t-traffiku; it-tielet huwa l-inflazzjoni li m’iniex se nidħol fiha. Il-problema hawnhekk hija bla partiġjaniżmu li għandna sfida ta’ ekonomija illi hija bbażata fuq il-massa tan-nies u din il-bidla li aħna rridu nimplimentaw jekk nitilgħu fil-gvern hija illi nagħmlu studju magħruf bħala Labour Market Study. Fih nidentifikaw numru ta’ kwistjonijiet. Però l-inkwiet tagħna huwa li nisma’ lil Clyde Caruana jgħid illi biex insostnu dan it-tkabbir ekonomiku li għandna fis-snin li ġejjin irridu ntellgħu l-popolazzjoni għal 800,000. Aħna llum resqin lejn 600,000. Ħa nagħmel domanda jiena. Timmaġinaw dan il-pajjiż b’popolazzjoni li tiżdied b’terz ieħor milli qegħdin illum biex inżommu t-tkabbir ekonomiku tagħna? Nirrikonoxxu li l-pajjiż huwa bblokkjat. Ejja nitkellmu fuq kif se nindirizzaw il-problema fejn inżommu t-tkabbir ekonomiku imma ma jistax ikollna dawn il-problemi riżultat ta’ dan l-istil ta’ ekonomija.
Kumment qasir fuq dak li qal David Spiteri Gingell meta semma punt importanti tal-upward mobility. Kif se tiġġildilha din ir-realtà?
RYAN CALLUS: Dan punt importanti. Aħna nirrikonoxxu li hemm setturi li jeħtieġ il-kontribuzzjoni tal-barranin. Perżempju s-settur tas-saħħa li m’għandux biżżejjed carers u infermiera, is-settur tal-ospitalità, il-kostruzzjoni. Jekk hawn xi ħadd li verament imbotta lill-Maltin biex jeskalaw fil-karriera tagħhom tramite l-edukazzjoni, kien il-PN. Jien li nista’ ngħidlek li aħna konxji ta’ din il-problema. Imma hemm bżonn studju sabiex naraw din is-sitwazzjoni.
Il-PL għandu sfida b’ekonomija għaddejja b’ritmu mgħaġġel iżda hemm tgergir. Meta tiġi affaċċjat b’xi kummenti xenofobiċi, kif twieġeb?
ALEX MUSCAT: Il-politiku jrid jirrispondi billi jgħid il-viżjoni tiegħu. Kif kien qed jgħid Ryan hawnhekk, huwa differenti ħafna minn kif tkellem fil-parlament l-eks kap Adrian Delia. Jien żgur mhux se mmur inkeskes il-Malti kontra l-barrani. Jiġifieri meta nara dak il-biża’ ġenwin, biża’ bbażat għax dak li jkun jaħseb li l-barrani qed joħloqlu xi problema. Dan isir billi teduka u titkellem man-nies, mhux billi nitfa’ l-petrol fuq in-nar. Illum Ryan m’użax dak il-lingwaġġ u forsi għalhekk illum il-PN ma bagħatx lil Delia hawnhekk. Qed jindunaw anke kemm weġġgħu nies. Il-biża’ tiegħi hija x’ħa ngħidulhom lit-tfal tagħna? Li l-abjad u l-ġinġer orrajt imma ta’ lewn differenti problema.
Taqbel mal-proposta tal-PN ta’ bżonn ta’ mudell alternattiv għall-ekonomija tagħna fil-tul ta’ żmien jew sibna s-soluzzjoni għall-ġid fil-pajjiż?
ALEX MUSCAT: B’mod skjett ħafna, ma naħsibx li hija kwistjoni ta’ neqilbu l-ekonomija tagħna rasha ’l isfel għax qed nagħmlu xi ħaġa ħażina. Ryan semma l-population density ta’ Malta. Jien Malta nqabbilha kważi ma’ belt Ewropea fejn għandna kważi 1,700 għal kull kilometru kwadru. Pariġi għandek 20,000. Milan 7,600. Fil-verità, Malta ma tistax tqabbilha mal-Italja kollha minn fuq s’isfel imma ma’ belt waħda. Mhux in-numri l-problema imma n-nies il-problema. L-isfida kif se tindirizzaha.
Ryan semma ċ-ċifra ta’ popolazzjoni ta’ 800,000. Ma taħsibx li dik il-figura hija ġennata kbira?
ALEX MUSCAT: Ġennata għal xiex? Le, u ħa ngħidlek għala. Ikun hemm xi numru maġiku li b’dak in-numru ħa nkunu kuntenti. L-ebda studju ekonomiku ma jista’ jasal għal ċifra. Li jrid isir huwa li nibqgħu ninvestu fl-immaniġġjar tan-nies f’pajjiżna. Dak li rridu nibqgħu nagħmlu. Jien ngħidlek għaddej investiment bla preċedent bħala gvern. Jalla nibqgħu għaddejjin b’dan ir-ritmu.
Għandna bżonn inħarsu lejn pajjiż li 20 sena oħra se jsib realtà oħra. Ma tirriflettix fuq il-barranin li għandna bżonn biex insostnu dan il-pajjiż?
RYAN CALLUS: Proprju għalhekk għandna bżonn il-Labour Market Study. Alex qal li m’hemmx tibdil fl-ekonomija illi għandu jsir. Dan jikkonferma l-moda li mexa biha l-gvern Laburista matul dawn l-aħħar snin fejn telaq kollox għal rasu, jimxi waħdu. Allura aħna li nagħmlu b’differenza huwa li nippjanaw, fl-enerġija u affarijiet oħrajn. B’dan l-istudju aħna se noħorġu liema huma n-niċeċ fl-ekonomija tagħna li huma labour intensive, idealment dawk għandna nnaqqsu l-importanza tagħhom u nimbuttaw niċeċ ekonomiċi ġodda u anke dawk preżenti illi mhumiex labour intensive. Hemmhekk tista’ tibda tikkontrolla l-popolazzjoni. Nindikaw is-setturi fejn hemm bżonn barranin u fejn hemm bżonn aktar Maltin. Aħna ħriġna diversi proposti fuq it-tnaqqis tal-popolazzjoni lokali, pereżempju tal-work life balance, għax aħna nemmnu li l-ġenituri qed jagħżlu li ma jkollhomx tfal mhux biss minħabba l-flus.
Tista’ tiftaħar li gvern Laburista ġab ekonomija eċċezzjonali iżda hemm il-kwistjoni taċ-ċokon tal-pajjiż li joħloq ċerti problemi fuq l-infrastruttura. Ma taħsibx li l-gvern f’dan il-qasam partikolari jrid jaħdem ferm iktar?
ALEX MUSCAT: Dan huwa l-pjan li kellu l-gvern Laburista mill-bidu. Kien hemm pjan ta’ tkabbir ekonomiku li kulħadd jaqbel miegħu, għandna sfidi mill-ġid li ħloqna aħna stess. Issa bħala politiku, dawk it-tip ta’ sfidi irrid nindirizza. L-isfida li għandna llum tan-numri rridu nkomplu nilqgħulha billi ninvestu bis-saħħa fl-infrastruttura. Jekk nibqgħu ninvestu tajjeb, ma jinħassx dak l-effett negattiv ta’ dan il-ġid.
Taħseb li tikkonvinċu n-nies li rridu nbiddlu l-mod forsi anke kif niffunzjonaw u kif noperaw?
RYAN CALLUS: In-nies forsi qed jidraw it-traffiku, jew li meta tmur l-isptar hija ovvja li trid tistenna wara kju twil ta’ nies. Mhux ovvja, mela jekk jien ngħid li dan huwa riżultat ta’ overpopulation qed inkun razzist? Le m’iniex. Ħafna mill-problemi li għandna f’dan il-pajjiż ġejjin miż-żieda tal-popolazzjoni riżultat tal-mudell ekonomiku li kellna. Li kieku ppjanajna għal popolazzjoni ta’ 600,000 bi trasport tal-massa li jiflaħ, ngħidlek orrajt. Fejn kellna l-iktar affarijiet bażiċi fallejna, kriżi ta’ enerġija, għadna għaddejjin minn kriżijiet kbar fis-saħħa. Għalfejn saru dawn il-kriżijiet? Qatt ma kellhom isiru dawn.
Dan l-istudju li qed issemmi, ma tistgħux toħorġu b’soluzzjoni intom u ideat ħolistiċi intom stess?
RYAN CALLUS: Aħna kemm-il darba ħriġna bi proposti. L-ewwel nett trid tifhem li rapport bħal dan jeħtieġ esperti u finanzi wkoll. Aħna għaddejjin b’dan il-proċess biex meta jasal il-mument inkunu nistgħu nniedu l-viżjoni tagħna. Però trid tifhem li min qiegħed fil-gvern għandu r-riżorsi kollha tad-dinja u anqas kien saħansitra kapaċi jikkonkludi rapport li sewa l-miljuni fuq it-trasport tal-massa.
Jibqa’ l-fatt li f’kull sondaġġ, in-nies juru li qed tinkwetahom l-overpopulation. X’qed jagħmel il-gvern?
ALEX MUSCAT: Il-gvern mhux qed ikeskes il-Maltin kontra l-barranin kif qed tagħmel l-Oppożizzjoni; kif għamel Adrian Delia fil-parlament. Hawnhekk tara wkoll li l-PN fil-proposti tiegħu, bħall-four day week li minn analiżi sempliċi ekonomika turik li biex tħaddimha f’Malta bħalissa trid 50,000 ruħ iktar. Aħna rridu ekonomija li tkompli tikber biex taqdi lill-Maltin u lil kull min jgħix f’pajjiżna.
Kif tirrispondi għal dan il-kumment li qed tkesksu l-Maltin kontra l-barranin?
RYAN CALLUS: Adrian Delia għamilha ċara. Jien mhux qed nitkellem fuq barranin imma fuq numri. Din hija tattika tal-PL. Aħna fuq is-soluzzjonijiet qed nitkellmu mhux fuq x’jgħid ħaddieħor.
