Il-Baġit b’tema għall-familja kollha li kien indirizzat lejn il-kriżi tar-rata tal-fertilità, mexxa bil-miżura ewlenija tat-tibdil fil-faxex tat-taxxi għall-ġenituri skont kemm għandhom tfal. Il-gazzetta tkellmet mal-Ekonomista Marie Briguglio.
Is-sistema tat-tnaqqis progressiv fit-taxxa jibda jinħass mis-sena d-dieħla, b’limiti ogħla ta’ dħul gross. Din il-miżura se tħalli €160 miljun fil-bwiet tan-nies fuq tliet snin, u se taffettwa eluf ta’ familji.
Hemm komputazzjoni għal ġenituri b’wild wieħed li se tħalli €3,600 fil-but ta’ familji f’din il-kategorija sal-aħħar tal-2028; €10,000 fil-but ta’ ġenituri b’żewġt itfal jew aktar u €6,000 għal koppji miżżewġin b’wild wieħed.
Il-Professur Marie Briguglio titkellem fuq il-problema tar-rata tal-fertilità f’Malta li hija l-inqas rata fl-Ewropa, il-kawża ta’ din il-problema u l-frott li tista’ tħalli din il-miżura.
“Biex taraha taħdem trid timmaġina koppja li bħalissa għandha wild wieħed, u li tixtieq ikollha ieħor, u li l-flus biss huwa dak li qed iżommhom lura. F’dak il-każ, iva. Kemm hawn minnhom dawn il-koppji? U meta tqis l-għoli tal-ħajja, hija biżżejjed din l-iskema?” indagat Briguglio fuq il-fattibbilità ta’ din il-miżura u fuq kemm se twassal għal familji ġodda.
Hi qalet li minbarra l-flus — li huwa fattur importanti meta wieħed jitkellem fuq rata tal-fertilità — wieħed irid iqis ukoll kemm għandhom ħin il-koppji għat-tfal, kif ukoll x’impatt iħallu t-tfal fuq il-karriera, ir-relazzjonijiet, u l-istress ta’ kuljum tal-koppji. Briguglio rrikonoxxiet li wieħed ikollu t-tfal hija xi ħaġa sabiħa, hekk kif dawn iġibu ħafna ferħ u mħabba magħhom, imma dan mhuwiex biżżejjed biex jegħleb l-isfidi li jġibu magħhom.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-professur qalet li hemm bżonn ta’ miżuri li jindirizzaw il-ġid kif ukoll il-bilanċ fil-ħajja u l-kwalità ta’ ħin, flimkien mal-miżura tat-taxxa sabiex ikollha l-effett mistenni. Dawn mhux neċessarjament għandhom direttament itejbu l-qagħda finanzjarja tal-ġenituri, imma jaffettwaw il-kwalità tal-ħajja — tal-ġenituri u tat-tfal bħal pereżempju — iżjed ħin l-iskola għall-attivitajiet extrakurrikulari, inqas ħin fit-traffiku, postijiet għat-tfal fil-komunità sabiex jilagħbu, eċċ.
Briguglio spjegat li aktar flus mhux dejjem isarrfu f’kuntentizza, skont il-qagħda finanzjarja ta’ dak li jkun. Hemm affarijiet oħra li jaffettwaw il-kuntentizza bħal pereżempju l-ħin liberu, is-saħħa fiżika u mentali, l-istat tal-ambjent, u l-kultura.
Dan jidher fl-inkwiet tan-nies li fil-quċċata, minbarra affarijiet ta’ saħħa, hemm in-numru ta’ nies f’Malta, li kull sena qed jiżdied mhux riżultat ta’ iżjed twelid f’Malta. Affarijiet oħra li jinkwetaw in-nies huma t-traffiku u l-għoli tal-ħajja meta wieħed jagħmel paragun mal-pagi. Hi tenniet billi qalet li l-baġit jista’ jagħmel ħafna ġid f’dan ir-rigward ukoll.