Politikanti jiddiskutu l-kwistjoni tal-Fortina fuq Xtra Sajf

F’episodju ieħor ta’ Xtra Sajf, Saviour Balzan jitkellem ma’ Arnold Cassola, Alex Muscat u Ryan Callus 

 

L-ewwel mistoqsija ħa nsaqsiha lilek Arnold. Dan kollu kont tafu. X’wasslek biex tieħu dan il-pass fuq il-Fortina? 

Persuna qaltli li hemm rapport ta’ Grant Thorton fuq l-20 miljun valutazzjoni. Jien ġa kont qed ninnota pereżempju kif biddlu l-kundizzjonijiet kollha, jgħollu 15 jew 13-il sular plus ukoll serqu pitch tal-boċċi. Kien pitch tal-boċċi pubbliku. Dawn jiħduh u ħadd ma jagħmel xejn. Naturalment kieku jien kelli r-rapport tal-Grand Thorton, il-valutazzjoni tagħhom, ma kontx immur għand l-awditur; kont immur quddiem Kastilja u nagħmel press conference hemm imma billi xi ħadd qed jgħidli u li qed itini propju dawn id-dettalji, allura hemmhekk tlabt l-awditur għal din l-inkjesta. 

Meta tħares lura, mhux aħjar għandek xi ħaġa konkreta, investigata? F’għajnejn il-maġġoranza tan-nies l-NAO hija istituzzjoni indipendenti. Mhux aħjar wasalt f’dan l-istadju u ġraw l-affarijiet kif ġraw? 

Arnold: Dawn ma kinux ħa jiġru kieku ma mortx jien. 

F’din il-kwistjoni kollha, hemm dak li aħna nafu bħala responsabbiltà politika u dak li aħna nafu bħala responsabbiltà kriminali. Kif qed tħares lejhom? 

Arnold: Hemm responsabbiltà, kemm politika, kif ukoll kriminali għaliex daħlu l-politiċi fiha. Joseph Muscat pereżempju għamel laqgħa biex ikollu progress fuq din il-kwistjoni. Joseph Muscat fiex kellu jidħol? Keith Schembri fiex kellu jidħol? L-Imħallef Farrugia Sacco għalfejn bagħat il-kont lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru? L-Uffiċċju tal-Prim Ministru x’jindaħal fil-kuntratti li jagħtu l-Lands, jiġifieri dan meta għandek ir-responsabbiltà politika mbagħad għandek ir-responsabbiltà kriminali li qed jingħad li Farrugia Sacco ma qal lil ħadd anzi qal li għadu mhux lest imma għandek ukoll lil Keith Schembri li Alla jbierek dan ma jiftakar qatt xejn f’xejn. Keith Schembri wkoll kien jaf u ma kellux ikun jaf, jiġifieri din hija azzjoni kriminali, u Schembri ħbieha mill-kabinett.  

Alex Muscat, xahar wara xahar nisimgħu dawn l-episodji. Għalfejn f’din il-kwistjoni partikolari ma ġibnihiex żewġ?  

Jekk tagħti daqqa t’għajn lejn ir-rapport tal-awditur issib ħafna affarijiet li mhumiex jinqabdu biżżejjed. L-ewwel nett jiena ninnota li l-Awtorità tal-Artijiet kellha koperazzjoni massima. Jiena ġejt mitlub biex immur nagħti l-informazzjoni, jiġifieri min-naħa tal-Awtorità kellek trasparenza totali, flimkien mal-NAO, jiġifieri llum is-sitwazzjoni kollha ddur ma’ metodoloġija, il-valur ta’ tmien miljuni u mitt elf ma kinux il-valur il-ġust jew kellu jkun ogħla. Jien, bl-informazzjoni li kelli flimkien mal-board, l-Awtorità tal-Artijiet bħala board, ħadet deċiżjoni li tmur għall-ogħla valutazzjoni li kienet ta’ tmien miljuni u mitt elf ewro. Illum qed jirriżulta li kien hemm rapport ieħor. Il-Gvern illum talab kopja tiegħu u infurmat li għadda fil-parlament biex naraw jekk din id-diskrepanza hijiex waħda korretta. Imma ma ngħidx li kulma tagħmel l-Awtorità tal-Artijiet huwa żbaljat. Jien naħseb kien ikun żbaljat li kieku qas biss żammet il-flus għat-tneħħija ta’ dik il-kundizzjoni, kif kien ġara f’każijiet oħrajn.  

 

Imma kieku l-affari waslet s’għand Farrugia Sacco tgħid waslet s’hemm, imma din baqgħet tielgħa sal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Issa veru li Joseph Muscat irriżenja u numru ta’ persuni oħra m’għadhomx hemm, imma turi wkoll li f’dawn l-affarijiet lil hinn mid-diskussjoni li jien immur mal-Prim Ministru u niddiskuti proġett kien hemm affarijiet oħra, din ma tinkwetakx? 

Alex: Il-mistoqsija hija bbażata fuq jekk in-negozju Malti jistax jew le jiltaqa’ mal-faxxa politika. Jien, jekk tgħid lili, ma nsibx problema b’dan, però mbagħad, dejjem irid ikollok trasparenza. Jiena milli rajt f’dan ir-rapport, l-Awtorità tal-Artijiet, bl-informazzjoni li kellha f’idejha, għamlet dan. 

Ryan, inti, tajjeb jew ħażin, kellek x’taqsam mal-Land Authority fis-sens li kont rappreżentant f’isem l-Oppożizzjoni. Spjegali, ir-rapport, skont l-Imħallef Farrugia Sacco, baqa’ pendenti. Issa inti bħala membru tal-board f’dan il-każ, xi jsir? 

Ryan: Tajjeb ngħidu li dan l-iskandlu ħarġitu l-Oppożizzjoni għaliex qabel il-pass ta’ Arnold kien hemm pass ieħor. Jiena meta kont membru fil-board tal-gvernaturi, immarkajt illi stima ta’ tnax-il miljun kienet tnax-il miljun u mhux tmien miljuni u kienet għal dik ir-raġuni li aħna vvotajna kontra. Jiġifieri l-iskandlu tal-Fortina beda għaliex aħna sibna u xi ħadd ħarablu fuq il-board dakinhar meta tana l-preżentazzjoni, illi dawn ħa jħallsu tmien miljuni u xi ħadd iddeċieda hemm ġew li jaħfer erba’ miljuni għax suppost ħallsu tnax-il miljun. Dik kienet waħda mir-raġunijiet għalfejn meta tlajna fil-Parlament, bħala Oppożizzjoni u Kumitat tal-Verifika aħna bqajna ninsistu illi din it-tranżazzjoni m’għandhiex issir. Issa sa dak il-punt ma kienx hemm rikonoxxenza tat-tielet valutazzjoni tal-Grand Thorton li kienet lesta. Irridu nifhmu li xegħlet bozza kbira fuq il-Fortina minħabba dan li għamlet l-Oppożizzjoni fil-Parlament. Jiena sirt naf bit-tielet valutazzjoni tal-Grand Thorton meta mort quddiem l-awditur ġenerali u xxokkjajt ruħi u għedtlu li qas kont naf biha. Ian Borg meta mar għand l-awditur, ikkonferma lill-Awditur Ġenerali li kien jaf biha, u allura jien kont nippretendi li la kien jaf biha, ma missux waqaf hemm biha, missu refa’ r-responsabbiltà politika. 

Ejja nitkellmu wkoll fuq ir-responsabbiltà ta’ min imexxi dawn l-aġenziji. Jiena nsibha diffiċli biex nemmen illi biex titlob valutazzjoni u tieħu żball. U fl-Awtorità tal-Artijiet isiru ħafna dawn l-iżbalji. Inti, li ilek tħambaq fuq il-kontabilità, x’taħseb li hi l-problema? 

Arnold: Jien ngħidlek li dawn isiru apposta ma’ ċerti nies. Il-Fortina mhux biss ħadet dak il-bini bil-prezz li rajna, baxx, imma l-Gvern kompla jtiha art u baħar illegali li hi okkupat. Għaliex intom li ma rrealizzajtux fl-2023 il-gvern, Sylvio Schembri, dakinhar tal-inkjesta pubblika ta’ Jean Paul Sofia, taf x’għamel? Mar fil-Parlament, il-Fortina kienu okkupaw il-foreshore front, okkupaw il-baħar, illegalment, u Sylvio Schembri jmur biex jgħaddi liġi ħalli jagħtihielhom, jirregolizzaha b’70 elf ewro. Dan ma’ ċerti nies u Zammit Tabona nafu li huma donaturi kbar tal-Labour Party ikun hemm il-favuri.  

Alex, fuq ir-risposta tal-Fortina, il-prinċipju, meta Malta kienet tiżviluppa l-ekonomija turistika f’diversi snin, il-prinċipju li tagħti l-artijiet, kważi b’xejn, kienet waħda onoruża. Imma issa qegħdin f’sitwazzjoni differenti. Taħseb li wasalna biex nirrevedu din it-tip ta’ politika? 

Mistoqsija importanti. Il-fakultà li kull gvern jista’ art pubblika jtiha valur u jużaha biex iżid l-attività ekonomika u soċjali fil-pajjiż, hija ħaġa li ilha ssir minn żmien l-Ingliżi f’pajjiżna. Jiena naħseb li gvern għandu jibqa’ jkollu dak ir-remit. Sintendi, ir-realtajiet ta’ Malta fit-tmeninijiet meta din l-art inxtrat mingħand il-gvern għal skop turistiku, u r-realtà ta’ Malta llum hija differenti, jiġifieri l-għodda għandha tinżamm imma jinbidel l-iskop.  

Fil-kuntest li għandna ta’ proġetti kbar li huma kontroversjali, għandna nerġgħu nikkunsidraw ċerti affarijiet? 

Alex: wieħed ma jneħħix lill-ieħor. Inti semmejt li jiena kont membru parlamentari. Jiena, meta kont responsabbli, biċċa art tal-Gvern, fabbrikabbli, kont ħadt deċiżjoni li nagħmluha ġnien għall-pubbliku li hekk huwa llum. Imma ma jfissirx li kull biċċa art tal-Gvern ħa nagħmluha spazju pubbliku miftuħ, jiġifieri li qed ngħidlek, illum, trid tara r-realtà ta’ pajjiżna x’inhi u iva ċerti biċċiet ta’ art wieħed għandu jirrikonsidra. Każ speċifiku, pereżempju ġara riċentement. Qed nirreferi għal Manoel Island, li l-art ta’ Manoel Island ingħatat 25 sena ilu … 

X’qed jiġri fuq Manoel Island? 

Alex: Jiena segwejt bħalek. Kellek l-istatements, għandek investituri privati fejn jiena mgħarraf li ħafna pensjonanti huma holders hemmhekk, jiġifieri jien mgħarraf li hemmhekk għaddejjin diskussjonijiet però ma nipparteċipax fihom. Però biex nerġa’ nirrispondi l-mistoqsija ta’ qabel, kull gvern għandu jkollu fakultà illi juża l-art biex jiġbed lejh investiment imma fil-kuntest ta’ pajjiżna kif evolva u ppermettili ngħid illi Ian Borg iċċaraha fil-Parlament illi r-rapport tal-Grand Thorton ħareġ fil-pubbliku wara li l-NAO daħal fiha u mhux qabel. 

Arnold Cassola tefagħlek botta jew kritika li f’każijiet oħra użajtu kejl differenti. Semmielek il-każ ta’ Ħal Qormi, il-valutazzjoni li kienet hekk u aċċettajtu valutazzjoni hekk. Ħa nippreċiża … meta jsiru dan it-tip ta’ affarijiet, in-nies jibdew jaħsbu li sar xi forma ta’ ftehim minn wara l-kwinti. F’dan il-każ partikolari x’kien il-ħsieb? 

Ħa nwieġeb lil Alex l-ewwel dwar x’qal l-Awditur Ġenerali fuq ix-xhieda li ta Ian Borg lill-Awditur Ġenerali meta bagħat għalih. Ħa nikkwota kelma b’kelma — “according to the minister onlearning of the audit firms valuation, he saught clarifications from the chair board of governors, lands authority. Meta Ian Borg mar quddiem l-Awditur Ġenerali, hu kien konxju ta’ din ir-raba’ evalwazzjoni.  

Biex nirrispondi għall-mistoqsija tiegħek issa, jiena m’iniex infurmat li saru xi ftehimiet fuq din. Issa jekk inti taħseb li hemm xi ħaġa illi kienet ħażina, għandek il-fakultà kollha Arnold. Jien li nista’ ngħidlek huwa li bħala grupp parlamentari li nifforma parti minnu, meta vvutajna fuq dik il-kwistjoni, aħna vvutajna b’dik l-informazzjoni li kellna, jiġifieri issa jekk għandek affarijiet oħrajn … 

It-tibdiliet li saru fl-2024 mill-Gvern biex ikun hemm uniformi ta’ valutazzjoni … Taqbel li dawn huma tibdiliet leġiżlattivi pożittivi? 

Ryan: Jiena li nista’ ngħidlek huwa dan … jekk f’dan il-każ il-valutazzjoni saret dakinhar, jiena nifhem li għandna nimxu bl-istess metodoloġija; mhux issa f’daqqa waħda għax il-pajjiż tilef 12-il miljun ngħidu għax għandna metodoloġija ġdida, jekk il-poplu tagħna tilef dawn il-miljuni, get our money back u dan huwa x-xogħol tagħhom li jagħmlu u li dwaru s’issa ma smajna xejn.  

Alex: Punt żgħir. Proprju għalhekk l-Awtorità tal-Artijiet daħlet din il-metodoloġija. Jiġifieri inti kellek biss biss il-Lands fuq dan il-każ, f’idejh kellu żewġ stimi waħda li kkummissjonaha, tmien miljuni u mitt elf ewro, l-oħra mhux magħmula minn xi ħadd inkompetenti, magħmula minn Deloitte. Kellek stima magħmula minn Deloitte kkumissjonata minn Fortina Group stess illi kienet żewġ miljun u seba’ mitt elf … 

Inti d-diskussjoni dwar il-Fortina tmur lil hinn mill-Fortina. Kien hemm diskussjoni mill-kampijiet tal-Oppożizzjoni for charity properties u mbagħad kien hemm xi inizjattivi mis-Soċjetà Ċivili fil-każ tiegħek fuq dan il-każ partikolari. Issa fuq dan, jidher li qiegħed fuq fażi oħra. Mhux biss id-diskussjoni politika imma f’saqajn il-pulizija. X’taħseb li għandu jiġri hawnhekk?  

Arnold: l-ewwel nett huwa skandaluż kif kien hemm il-leaks mill-Fortina, u dawn setgħu ħarġu biss, jew mil-Lands Authority, jew minn Keith Schembri, jew minn Joseph Muscat għax dawk kienu jafu biss, u dik hija responsabbiltà politika kbira. It-tieni, ma naqbilx ma’ Alex fuq li artijiet pubbliċi għandhom jingħataw. Illum fl-2025, aħna tal-Momentum ngħidu li għandhom jitwaqqfu l-artijiet pubbliċi. M’għandhomx iktar jingħataw lill-privat.  

Imma ejja ngħidu intom, partit li qed isir iktar relevanti, titolbu li jkun hemm ħarsien ambjentali, li ma nibqgħux fuq l-industrija tal-kostruzzjoni u tiġi industrija li tkun speċjalizzata b’xi ħaġa li ma tirrikjedix kostruzzjoni u għandha bżonn art biex tiżviluppa din il-fabbrika tal-AI pereżempju … jiġifieri inti qed tgħid li l-Gvern m’għandux jgħin hemmhekk?  

La hija privata, qegħdin fl-2025, għandek level playing field ta’ kompetizzjoni u allura l-artijiet pubbliċi, jekk mhumiex verament għall-affarijiet ta’ barra minn hawn, m’għandhomx jingħataw għaliex m’hawnx iktar art, għaliex l-ispazju f’Malta huwa verament limitat. 

Issa biex inkompli, it-tielet punt, inti semmejt il-koperazzjoni li tat il-Lands Authority. Veru issa tat il-koperazzjoni. Taf min ma tax il-koperazzjoni lill-awditur? Il-kabinett, għaliex bl-iskuża li l-minuti tal-kabinett huma riservati, ma nistgħux nuruhom, ma tawhomlux u allura aħna ma nafux x’ġara fil-kabinett. L-aħħar punt fuq li saqsejtni int, jekk tmur għand Gafà tmur għalxejn. Gafà ilu hemm ħames snin biex jgħatti biss lil dawk li huma fil-politika, mela Gafà jekk hemm xi politiku involut, u nafu li hemm Keith Schembri, allura Gafà se jeħodha easy u se jgħaddi ż-żmien. Dan għandu jkun hemm azzjoni fil-Qorti u hawn tissorprenduni intom in-Nazzjonalisti, għax skont kapitlu 574 tal-liġijiet ta’ Malta, biex inti tirrevoka kuntratt ħabba frodi jista’ jagħmilha biss jew l-Awditur Ġenerali, jew l-avukat tal-istat, jew membru parlamentari. Issa dawn taf x’għamlu sitt ijiem ilu? Iltaqgħu u ddeċidew li ma jmorrux il-Qorti. Tista’ tgħidli għaliex intom iddeċidejtu li ma tmorrux il-Qorti meta għandek każ ta’ frodi enormi?  

Ryan: Milli jidher jien kont fil-grupp parlamentari u Arnold ma kienx hemm u jidher illi jaf aktar minni. Aħna l-pożizzjoni tagħna għamilha ċara wkoll il-kap Alex Borg. Aħna qed nitfgħu r-responsabbiltà fuq il-Viċi Prim Ministru u Prim Ministru li sostnew li se jġibu l-flus lura kollha. Jekk dan ma jiġrix, aħna nissalvagwardjaw, kif għandna dritt. 

 

Ryan, ħa ndur fuq l-element politiku … fuq il-Partit Nazzjonalista ħa nitkellem. Kien hemm id-diskors ta’ Alex Borg, li fih semma l-Fortina u semma dil-kwistjoni li l-ambjent jidħol fil-kostituzzjoni. Il-mistoqsija tiegħi hija, ifhimni, bħalma hemm affarijiet li jsiru just for gesture, intom bħala Partit Nazzjonalista vera dawn l-affarijiet huma importanti għalikom?  

Din tal-emenda kostituzzjonali ilha li ressaqnieha imma l-Gvern għoġbu jtina seduta kull sitt xhur. Nista’ nassigurak li l-ambjent għalina mhuwiex klixè, nafu x’inhi Malta llum, problemi kbar ta’ densità, traffiku, jiġifieri aħna konxji minn qatt qabel li din hija l-ikbar sfida u m’aħniex se nieqfu fuq li ngħidu biss. 

Alex, sondaġġi juru li n-nies m’għadhomx inkwetati fuq affarijiet ta’ qabel, u dan l-inkwiet huwa li jwasslu persuna biex tivvota mod, iżda mbagħad naraw deċiżjonijiet tal-Gvern li jibagħtu messaġġ differenti, bħar-riforma tal-ippjanar. Ma taħsibx li qed tkunu distakkati minn dan il-messaġġ tas-sondaġġi?  

Ma naqbilx miegħek illi dik ir-riforma qed tmur kontra. Jien għalija li ssaħħaħ il-jedd li anke n-nies iwaqqfu żvilupp milli jsir, tiġi favur dak is-sentiment mhux kontrih, u dan qed isaħħaħ id-dritt taċ-ċittadin.  

Jista’ jkun li intom tiġu kkategorizzati li tikkritikaw biss u mhux bħala alternattiva? 

Le, ma jistax ikun għax aħna għandna l-proposti tagħna. Għadna kif għamilna dwar il-vertical farming pereżempju lbieraħ. Dawn huma biss viżwali għalissa, imma qed inlaħħmu dak li qed nippreparaw. Issa l-valutazzjoni, naqbel perfettament li l-Parlament bidel imma intom x’intom, xi bdiltu? Jiġifieri dan, il-Fortina qed jgħidilna li issa l-valutazzjoni l-ġdida tal-2024 se tiġi tqum inqas mill-valutazzjoni tal-1990, mela allura għamiltu qassata kbira jekk intom fil-Parlament bdiltu l-valutazzjoni. 

 

 

 

 

 

 

More in Intervisti