'Il-Gvern għandu jaqbad 5,000 ħaddiem minn miegħu jitfagħhom fil-privat u jħallasilhom il-paga għal sentejn'
Għaliex iridu li titneħħa s-sisa u li jitraħsu ċertu taxxi? Malta saret qisha stat polizjesk jew hemm bżonn ta’ aktar due diligence? Il-problema tar-riżorsa umana meta se nindirizzawha? X’qed tipproponi għall-Baġit li jmiss? L-ILLUM titkellem mal-President tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji Paul Abela
minn Anthea Cachia
Iċ-ċokon ta’ pajjiżna, meta mqabbel ma’ xi pajjiż ġgantesk fl-Ewropa, huwa konvenjenti. Għandna sens ta’ kommunità ikbar minħabba l-irħula żgħar, imdawwrin b’ħafna baħar u biex taqsam min-naħa għall-oħra ta’ Malta m’għandekx bżonn sigħat u vjaġġar b’ajruplani... sakemm ma jkunx hemm xi festa u tiltaqa’ ma’ patafjun traffiku.
Iżda għall-President tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji Paul Abela, iċ-ċokon ta’ pajjiżna jfisser li kulħadd jaf u jiġi minn kulħadd u li din twassal għal nuqqas ta’ infurzar. Tant hu hekk li, skont hu, “l-infurzar mhuwiex l-akbar kompetenza ta’ pajjiżna.”
‘Eliminaw il-VAT fuq xi prodotti u qaċċtu s-Sisa!’
Għal raġunijiet ovvji d-diskors waqa’ fuq il-Baġit u l-ILLUM għamlet referenza għal numru ta’ proposti li ressqet il-Kamra bil-għan li jiġu implimentati mill-Gvern.
Din il-gazzetta fakkret lill-Abela fi tlieta partikolari: Dik li titneħħa s-sisa (excise tax) jiġifieri taxxi indiretti fuq il-bejgħ jew l-użu ta’ oġġetti bħal-alkoħol, it-tabakk u prodotti tal-enerġija, li jitnaqqas il-VAT fuq prodotti partikolari bil-għan li jinkoraġixxi aktar bejgħ lill-konsumaturi u li jiġu inċentivati dawk in-negozji - permezz ta’ roħs fit-taxxa - jekk dawn jagħmlu użu minn pagamenti diġitali.
Fil-proposti tagħha stess, il-Kamra saħqet li l-Gvern qiegħed ikollu ħafna aktar dħul mill-VAT minħabba l-inflazzjoni u b’dan il-fatt quddiemha, l-ILLUM staqsiet, “allura l-Gvern jaffordja li jnaqqas it-taxxa bħalissa?”
Abela wieġeb li l-Gvern għandu jkabbar l-ekonomija u “jekk inaqqas ir-rata ta’ taxxa, il-Gvern se jdaħħal iżjed. Hekk ġie ppruvat fil-passat. Fil-fatt jiena niftakar żmien meta t-taxxa tad-dħul, minn 65% tnaqqset għal 35%. Kulħadd qal li se jonqos id-dħul iżda l-Gvern ta’ dak iż-żmien daħħal aktar flus biha.”
Huwa qal ukoll li s-sisa mhi xejn għajr burokrazija żejda. Dan għaliex, minkejja li jagħmel xi dħul minnha, biex il-Gvern jagħmel monitoraġġ tal-affarjiet kollha li se jidħlu f’pajjiżna jiswih ħafna aktar.
“Din ma tagħmilx sens u għalhekk aħna bħala Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji qed ngħidu li għandha titneħħa,” żied jgħid Abela.
B’eżempju ċar, Abela saħaq li bħala Kamra huma infurmati b’każ ta’ importatur Sqalli ta’ materjal li jintuża għall-kostruzzjoni. Dan in-negozjant ibigħ il-materjali lill-kumpaniji Maltin mingħajr il-VAT u fil-fatt dan irnexxielu jattira klijentela Maltija ikbar. “Ovvjament il-bejjiegħa Maltin tal-istess materjal qed jagħmlu ferm inqas dħul u għalhekk hu importanti li l-Gvern joħloq suq aktar bilanċjat bejn il-kompetizzjoni Maltija u barranija.”
Imma x’garanzija għandha l-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji li l-Gvern se jara aktar dħul?
Abela jisħaq li mhumiex qed jipproponu li jitnaqqsu t-taxxi kollha, iżda jemmen li għandu jkun hemm aktar bilanċ. “Jekk il-bejjiegħa jittiklilhom il-profitt mill-bejgħ, jaf ikun hemm persuni li jagħżlu li ma jagħtux irċevuta u din hija illegali. L-infurzar mhux il-fortè ta’ pajjiżna u allura nħoss li jekk tnaqqas ir-rata ta’ VAT isir aktar qligħ mingħajr il-biża li n-nies qed jevadu l-VAT,” żied Abela.
‘Malta minn dejjem hekk kienet. Nintroduċu bidla u kulħadd jipprova jirreżistiha’
Issa d-diskursata daret fuq il-flus kontanti u l-qalba għall-pagamenti diġitali. Kif diġà aċċennajna għaliha, il-Kamra għamlet proposta f'dan ir-rigward.
Mistoqsi għaliex għad hemm negozji żgħar li għadhom bil-biża’ li jaċċettaw il-kards ta’ kreditu u mhux kontanti biss huwa sostna li llum, ftit għad hemm li ma joffrux din l-għażla. Stqarr iżda li l-mentalità hi diffiċli li tinbidel. Fil-fatt qal li għad hemm il-ġenerazzjoni l-anzjana li għadha toqgħod lura milli tuża l-kards, “iżda ftit, ftit qed nersqu aktar lejn dik ir-realtà. Illum il-ġurnata meta tmur f’pajjiż Ewropew in-nies jistkerrħuk jekk toħroġ il-flus kontanti mill-but. Fuq kollox Malta dejjem hekk kienet. Meta nintroduċu bidla, kulħadd jipprova jirreżistiha,” qal Abela.
Apparti minn hekk huwa żied jgħid li llum hija ferm aktar diffiċli li wieħed imur il-bank b’eluf f’kontanti, dan għaliex isir due diligence strett. Hawn huwa fakkar fil-pompi tal-petrol, li għal snin twal, qabel ma beda l-użu tal-kard, kellhom din l-istess problema.
“Il-profitt tagħhom kien jittiekel mill-commission li kienu jiħdulhom il-banek meta kienu jmorru bil-kontanti u l-kumpaniji tal-kards l-istess. Minn hemm jew minn hawn irnexxielna naħdmu mal-kumpaniji kkonċernati u b’hekk il-pompi tal-petrol gawdew minn aktar profitt,” żied Abela.
‘La qegħdin fl-UE, irridu nattwaw dak li hu prattikat fi ħdanha’
“Jew nejja jew maħruqa!” jgħid il-Malti. Hemm min jgħid li Malta saret stat polizjesk imbgħad hemm oħrajn li jgħidu li dan id-due diligence kollu qiegħed isir għax f’pajjiż ordinarju li jaħdem kif suppost, din hija n-norma.
Fuq hekk Abela qal lill-ILLUM li, jekk aħna aċċettajna li nidħlu fl-Unjoni Ewropea (UE), mela “irridu nattwaw dak li hu prattikat fi ħdanha.”
Sostna li iva, l-awtoritajiet għandhom jaraw li kollox miexi kif suppost u li anke fid-dawl tal-fatt li għaddejna mill-greylisting għandna nkomplu nnaqsu l-użu ta’ ħafna kontanti, “għax fejn hemm il-flus kontanti, hemm id-dubju.”
Abela qal li issa wasal iż-żmien li nimmodernizzaw ruħna u ma nistgħux noqgħodu nżommu lil pajjiżna lura, sempliċement biex ma nkunux bħal pajjiżi Ewropej. “Irridu nirrealizzaw, li d-dinja miexja ‘l quddiem u l-mentalità trid tinbidel.”
Il-Maltin qatt ma joqgħodu lura milli jgħaddu xi kritika ‘l hemm jew ‘l hawn u sewwa jagħmlu! Fil-fatt meta nisimgħu b’każi ta’ negozji jew negozjanti żgħar li nqabdu f’xi praspura kontra l-liġi ħafna jkunu minn ta’ quddiem li jgħidu, “dejjem maż-żgħir jaqbdu u l-kbir jagħmel li jrid.”
X’jaħseb il-President tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji fuq dan?
“Il-one-size-fits-all mhijiex sistema tajba. Kemm fuq skala Ewropea kif ukoll f’Malta,” stqarr Abela.
Qal li, l-fatt li l-awtoritajiet jagħmlu due diligence fuq kull kumpanija - lil hinn mid-daqs tagħha - u tintuża l-istess riga għal kollha, ma tagħmilx sens. Dan għaliex jemmen li n-negozji ż-żgħar ma humiex attrezzati biżżejjed biex jagħtu l-informazzjoni meħtieġa.
Żied jgħid li l-monitoraġġ fuq in-negozji ż-żgħar, hi ħela ta’ ħin għas-sidien. “Għal persuna self-employed, kull ħin għad-dispożizzjoni tagħha hu ħin li jrid jaqla’ x'jiekol, kemm għall-ħaddiema tiegħu u kemm għalih. Forsi jekk jagħmlu xi domandi ġeneriċi, ma tkunx waqgħet id-dinja iżda li l-bank jagħmel skrutinju lil negozju żgħir daqslikieku hu negozju kbir, żgur li ma jagħmilx sens,” qal Abela.
Għaldaqstant huwa appella lill-Gvern biex kollox isir bil-qies tiegħu għaliex “iż-żgħir dejjem jaqlagħha.”
Huwa reġa’ enfasizza li mhux ġust li l-awtoritajiet u l-pulizija joqgħodu jfittxu ċ-ċekċik maż-żgħir u min-naħa l-oħra jkollok kumpaniji akbar li jaraw minn liema “toroq” se jgħaddu.
Fuq hekk huwa għamel referenza għal proposta oħra tal-Kamra, dik li ma jkunx hemm awditjar ta’ negozji li jagħmlu inqas minn nofs miljun ewro, fi dħul permezz ta’ bejgħ. Fakkar ukoll illi biex wieħed jagħti rendikont tal-accounts tal-kumpanija, tiġi tiswa' madwar €2,000 fis-sena u għalih din mhix raġonevoli, speċjalment għal negozju żgħir.
‘Aħna qatt ma opponejna ż-żieda fil-COLA’
Iż-żieda fil-prezzijiet hija problematika għal diversi raġunijiet u din Abela irrikonoxxiha. Tant hu hekk li bħala Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, qatt ma opponiet ż-żieda fil-COLA jew talbet li tinbidel iċ-ċifra, li se tkun kważi €10 fil-ġimgħa.
Madankollu huwa stqarr li għas-sid din se tkun sfida oħra li se jkollu jilqa’ għaliha, kemm jekk wieħed iħaddem ħames persuni jew 10. Qal li jekk wieħed ikun fin-negozju, jaf li kollox qed jgħola u għaldaqstant, “anke biex tħaddem lin-nies miegħek, se tkun ogħla.”
Abela saħaq li minħabba f’hekk, biex is-sidien ikopru dak li qed jitilfu, dan se jagħmluh billi jgħollu s-servizzi tagħhom. Madankollu qal li kull fejn tmur, se ssib mijiet ta’ ħwienet oħra li joffru l-istess prodott jew servizz. Għal dan huwa rrimarka li “jekk persuna tibda’ tara ħafna prodotti bl-għoli faċilment tista’ tmur għand ħaddieħor.”
Hawn l-ILLUM ġibditlu l-attenzjoni u qaltlu li r-realtà hi li ħafna qed jadottaw dan il-prinċipju li għamel referenza għalih hu u staqsietu, x’se jiġri meta n-nies jibdew jagħtu priorità lill-affarjiet bażiċi biss u dan iwassal biex ifallu xi negozji?
Hawn huwa saħaq li kulħadd għandu l-prioritajiet personali tiegħu u mhux kulħadd għandu l-istess stil ta’ ħajja. Min-naħa l-oħra huwa fakkar li waqt iż-żmien tal-pandemija, ċertu ħwienet tal-merċa kienu jbigħu prodotti li fis-snin ta’ qabel ma kinux ibigħu daqstant u allura l-ħtiġijiet tan-nies jinbidlu skont il-prioritajiet tagħhom.
L-ILLUM staqsiet ukoll jekk jaqbilx li l-Gvern jinċentiva lil ċertu negozji li jżommu l-prezzijiet raġonevoli. Abela saħaq li bil-kompetizzjoni li hawn fis-suq in-negozji diġà jippruvaw, mill-aħjar li jistgħu, iżommu l-prezzijiet raġonevoli.
Stqarr ukoll li llum il-kontrolli fuq il-prezzijiet spiċċaw, “dak kien żmien Mintoff u l-għassiesa tax-xerrejja. Illum il-Gvern ma jistax jikkontrolla bħalma kien jagħmel qabel.”
Minflok qal lil din il-gazzetta li jkun aktar għaqli li nibdew nagħmlu użu minn prodotti lokali. Abela saħaq li issa wasal iż-żmien li bħala pajjiż inwarrbu l-ideoloġija li prodotti ta' barra huma aqwa u li nibdew nutilizzaw u nixtru prodotti lokali. "Illum il-ġurnata naraw diversi negozji li huma kapaċi jikkompetu ma' dawk ta' barra. L-istess il-prodotti agrikoli lokali, m'għandi l-ebda dubju li l-Maltin jagħmlu prodotti professjonali. Naħseb waħda mill-affarjiet li għallmitna l-pandemija hi li għandna naprezzaw il-prodotti tagħha."
"X'se jiġri meta l-prodotti ta' barra ma jaslux?” staqsa Abela. Żied jgħid li fuq dan il-prinċipju stess għandna nippromwovu prodotti manifatturati lokalment.
‘Ma tantx għad hawn nies li jaħdmu bil-minimum wage’
Lejn l-aħħar ta’ din l-intervista, l-ILLUM u Abela qabdu diskursata fuq il-ħaddiema fis-setturi lokali jew aħjar, in-nuqqas tagħhom. Fil-fatt f’pajjiżna għandna żewġ realtajiet. L-ewwel realtà hija dik ta’ diversi sidien ta’ negozji li jagħżlu li jħaddmu u jimpurtaw ħaddiema barranin bil-għan li jżommu l-pagi aktar baxxi. Fl-istess waqt hemm realtà kerha oħra li mas-snin, il-ħaddiema qed jonqsu drastikament f’setturi partikolari fosthom il-catering u l-kostruzzjoni.
Abela irrimarka li biex pajjiżna verament jimxi ‘l quddiem, irid jagħmel dan biss bi tkabbir ekonomiku u biex ikollna dan it-tkabbir, “irid ikollna l-ħaddiema.”
Abela jsostni li llum il-ġurnata ma tantx għad fadal negozji li jadħmu b’nies bil-minimum wage. Fil-fatt saħaq li ħafna sidien qalulu li waqt l-interview tax-xogħol l-applikanti jagħtu stima ta’ kemm għandhom jitħallsu u mhux bil-kontra, kif kienet in-norma għal diversi snin.
Allura għaliex in-negozjanti qed jibqgħu mingħajr ħaddiema jekk ma tantx għad fadal sidien li jħallsu bil-minimum wage?
Abela saħaq li llum ħafna żgħażagħ li qed jagħżlu li jibqgħu jistudjaw u għaldaqstant ikun hemm ċertu setturi b’kundizzjonijiet aktar diffiċli, li mhux qed jattiraw liż-żgħażagħ.
Jemmen li għandna nsibu bilanċ bejn il-ħaddiema Maltin u barranin. U għalhekk pront kien lest b’soluzzjoni u ppropona li l-Gvern jaqbad madwar 5,000 ħaddiem statali, deskritti minnu bħala “mhux produttivi” u jitrasferihom f’setturi differenti fil-privat u jibqa’ jħallsilhom il-paga għal sentejn. “B’hekk inħaddmu lill-Maltin fis-setturi li neqsin minnhom filwaqt li l-Gvern jibqa’ jħallashom. Dawn kważi jkollhom żewġ pagi.”
Din il-gazzetta waqqfet lil Abela u staqsietu “għaliex il-Gvern għandu jerfa’ din ir-responsabilità u jibqa’ jħallashom, jekk dawn se jkunu qed jitħaddmu mill-privat?”
Abela fakkar lill-ILLUM bl-iskema tat-tapering of benefits. Din l-iskema tapplika għal dawk li kienu jingħataw il-benefiċċji soċjali għax kienu bla impjieg, bil-għan li tħajjarhom isibu xogħol. La darba dawn ikollhom impjieg, il-Gvern jibqa’ jħallas persentaġġ tal-benefiċċji soċjali (kull sena jitħallsu persentaġġ inqas), sakemm eventwalment jaqta dan il-ħlas.
Għalhekk jemmen li jekk din l-iskema għandha tapplika wkoll għall-ħaddiema “mhux produttivi” u din issolvi l-problema ta’ nuqqas ta’ ħaddiema f’ċertu setturi.
Mistoqsija jekk hux qed jiltaqgħu ma’ problemi ta’ proċessar ta’ visa għall-ħaddiema barranin, Abela stqarr li inizjalment dawn kienu problematiċi ħafna. Madankollu sostna li permezz ta’ ħidma mal-Identity Malta, illum sar progress notevoli.
Fil-fatt permezz tal-ħidma bejn iż-żewġ entitajiet u l-Ministeru ikkonċernat, illum jekk ħaddiem barrani jitkeċċa jew jagħżel li jitlaq mix-xogħol għandu xahar ċans biex isib xogħol ieħor qabel jiġi deportat, kuntrarju għal 10 ‘ijiem, kif kienet qabel.
“Nemmen li l-proċess issa qed jeħfief. Għadna ma lħaqniex il-miri kollha, iżda qed isir progress. Madankollu rrid ngħid li xi kultant qed ikun hemm ħafna pproċessar u due diligence żejjed fuq dawn il-ħaddiema. Possibli li kulħadd ġej Malta għal skopjiet ħżiena?” temm jistaqsi rettorikament il-President tal-Kamra għan-Negozji Kbar u Żgħar, Paul Abela.