“Il-proġett ta' Barts hu ta' ġid għal Għawdex”

'Il-mina mhux is-soluzzjoni għax l-Għawdxin jibqgħu jitilqu lejn Malta jekk ma jkunx hawn investiment qawwi f'Għawdex'

Is-sindku tal-kapitali Għawdxija, l-avukat Samwel Azzopardi hu persuna b’ideat progressivi għal Għawdex u għall-politika Għawdxija, fejn forsi l-aktar sentenza qawwija li ħarġet f’din l-intervista kienet meta qalilna, “Ma niddejjaqx ngħid li jekk il-proġett ta’ Barts isir kif hu mwiegħed li ħa jsir, dak se jkun ta’ ġid għal Għawdex. Għidtha fil-bidu, u nerġa’ ngħidha. Għandna bżonn proġetti bħal dan f’Għawdex.”

Samwel kompla jgħid li jixtieq jara bidla fil-politika Għawdxija li tara lill-Għawdex biss bħala post turistiku u l-ekonomija trid tiġi biss mit-turiżmu. “It-turiżmu hu staġjonali madwar id-dinja kollha, u qatt ma jista’ jkun l-industrija primarja li ġġib it-tiġdid ekonomiku f’Għawdex. Barra minn hekk, Għawdex m’għandux supply għal turiżmu tal-massa, għalhekk irridu mmorru għal turiżmu ta’ kwalità. U biex isir dan, irid ikun hemm sistema transversarja, billi jekk jien lukandier u għandi lukanda ta’ ħames stilel, nagħti servizz ta’ ħames stilel u mhux ta’ tlieta. Irridu wkoll li l-istat jgħin biex nilħqu dan it-tragward. L-imprenditur Għawdxi, meta ngħata ċ-ċans, mexa. U l-Gvern Malti jrid joħloq injezzjoni ‘tailor made’ għal Għawdex. Nemmen li għandu jsir villaġġ tan-negozju fejn hemm iż-żona industrijali tax-Xewkija li llum fiha hemm baħħ. Villaġġ li jkollu kollox: sistema mill-aqwa ta’ dawl, uffiċini, internet u li tħajjar investituri kbar bħal fis-settur finanzjarju, li dawn jaħdmu billi jkollhom indirizz importanti. Għalhekk, dawn ifittxu postijiet f’Tas-Sliema u l-Belt, għax l-indirizz magħruf, u hekk għandu jkun Għawdex. Iżda hemm bżonn server ta’ internet f’Għawdex u mhux noqogħdu nittamaw fil-cables u l-fibre optic. Kulħadd jaf li s-sistema ‘special purpose vehicle’ f’Malta qed tiġġenera l-flus u jekk din issir f’Għawdex, l-investitur Għawdxi jaħtafha. Għawdex irid ikollu l-istess politika ta’ Malta u mhux estensjoni ta’ Malta. Li jiġi deċiż għal Malta, jgħodd għal Għawdex.

“Anke dan id-diskors tal-‘brain drain’, irid jinqata’ darba għal dejjem għax din kienet, għadha u tibqa’ teżisti. Fil-qasam tal-ġudikatura ilu li kellna brain drain minn żmien Sir Arturo Mercieca, Sir Luigi Camilleri, l-Imħallef Cremona, Sir Adrian Dingli, li kollha telqu Malta. Lanqas nistgħu noħolmu li jekk issir mina, tieqaf il-brain drain. Il-mina tgħin, iżda mhux se twaqqaf liż-żgħażagħ milli jitilqu lejn Malta jekk ma jkunx hawn investiment qawwi f’Għawdex.

More in Intervisti