7,000 każ ta' kanċer fl-aħħar 26 sena, 1,000 minnhom fl-2014 biss

Aqra l-intervista sħiħa ma' Lora Cascun li dehret fil-ġurnal ILLUM il-Ħadd li għadda dwar il-ħidma fejjieda tal-Hospice

Lora Cascun ilha chairperson tal-Hospice minn Mejju tal-2013, wara li ġiet innominata fil-laqgħa Ġenerali Annwali. Titkellem dwar ix-xogħol tal-Hospice li joffri u jippromwovi kura paljattiva, fejn il-pazjenti jiġu trattati b’dinjità, awtonomija u ħajja ta’ kwalità. 

Ilek fil-Hospice mill-1999, kif wasalt biex illum il-ġurnata qed tokkupa l-kariga ta’ chairperson? 

Ara, aħna qegħdin fil-qasam tal-kura u tas-saħħa, jien naħseb li l-esperjenza tiegħi f’dan il-qasam hija vasta ħafna. Il-proċess huwa li wara l-AGM, xi ħadd jinnomina lil xi ħadd, m’iniex ngħid li jien xi ħaġa aqwa minn ħaddieħor, qas xejn, imma naħseb li l-esperjenza li kelli f’dan il-qasam għenet biex nintgħażel bħala ċ-chairperson tal-Hospice. 

Il-Hospice kemm għandha pazjenti li jagħmlu mis-servizzi tagħkom ta’ kull sena?

Jekk immorru għall-2014, kellna 1,017 li użaw is-servizzi tagħna. Is-sena ta’ qabel, 2013, kellna 937. Jekk tħares lejn il-medja ta’ kull xahar ta’ każijiet ġodda, fl-2013 kellna 50 każ ġdid, fl-2014 kellna 56 każ ġdid. Issa barra minn hekk diġà qed naraw xejra li dan se jerġa’ jiżdied. Infatti fl-ewwel xahar ta’ din is-sena, Jannar, kellna 66, jiġifieri diġà qbiżna l-medja. Fl-ewwel ġimagħtejn ta’ Frar kellna diġà għoxrin każ, jiġifieri mid-dehra n-numri se jibqgħu jiżdiedu. Infatti mill-1989, meta bdejna sa issa kellna madwar 7,000 pazjent u elf minnhom kienu fl-2014. B’hekk nistgħu ninnutaw kemm tassew in-numri qed jiżdiedu.

X’taħseb li huma r-raġunijiet li n-numru ta’ każi qed jiżdied?

Naħseb li l-ewwel raġuni hija għax is-sena l-oħra ċċelebrajna l-25 sena u b’hekk żidna l-kuxjenza fuq is-servizz li nagħtu. Jista’ jkun ukoll li din is-sena, minħabba li ħadna l-premju taċ-Ċittadin Ewropew, forsi l-attenzjoni li ngħatajna fakkret lin-nies fis-servizzi tagħna u fix-xogħol li aħna nagħmlu u forsi huwa għalhekk li qed jirrikorru iktar għandna. Naħseb ukoll li bħala każi inġenerali xi ftit qed jiżdiedu u b’hekk din taffettwa wkoll. 

X’inhi l-kura li intom toffru lil pazjenti tagħkom?

Qabel, il-Hospice Malta kienet toffri kura għal dawk morda bil-kanċer u dawk bil-motor neuron. Fl-1989 meta ftaħna, ftaħna bil-ħsieb li noffru kura għal dawn iż-żewġ tipi, però f’dawn l-aħħar ftit snin, b’mod gradwali żidna l-kura għall-mard terminali tal-qalb, respiratorju u tal-kliewi. Bħalissa qegħdin ukoll inħarsu lejn liema mard u kundizzjonijiet nistgħu nżidu fil-lista ta’ servizzi  għal din is-sena. qed naħdmu ukoll biex nimxu fuq id-direzzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa (WHO) li kull pazjent li għandu marda terminali għandu dritt għal kura paljattiva. Apparti minn hekk din is-sena, f’Jannar żidna is-servizz tal-on call. Aħna l-operat tagħna jaħdem bejn it-8am u l-4.30pm issa bdejna servizz ta’ on call għall-pazjenti li għandna, tagħna stess, u għall-qraba tagħhom li jkollhom bżonn xi parir jew sostenn urġenti li jistgħu jċemplu lill-infermiera li tkun on call biex tkun tista’ tgħinhom fil-problemi jew diffikultajiet li jkollhom. 

Issa wkoll qed nippjanaw biex nibdew noffru respite care, kura ta’ serħan u mistrieħ. Diġà qed noffru dan it-tip ta’ kura imma li qed noffru s’issa huwa ta’ xi tliet sigħat darba fil-ġimgħa, issa qed inħarsu wkoll biex jekk ikollna xi ħadd li jkollu bżonn ta’ kura 24 siegħa kuljum minħabba li dak jew dik li tieħu ħsiebu jkollhom xi kriżi li twassal biex għal żmien temporanju u ma jkunux jistgħu jieħdu ħsieb l-għeżież tagħhom, aħna nipprovdu respite care għall-ġimgħa, imbagħad wara nerġgħu naraw jekk hemmx bżonn iktar u nimxu skont il-każ. 

Kemm jiswa l-operat annwali tal-Hospice u min jiffinanzja dan ix-xogħol?

“Fl-ewwel xahar ta’ din is-sena, Jannar, kellna 66, jiġifieri diġà qbiżna l-medja”

Tal-2014 għadu mhux iffinalizzat. Imma nista’ ngħid li s-sena ta’ qabel infaqna madwar €650,000. Għandna 25% jitkopra minn fondi mill-gvern. Il-Gvern fl-2000 għamel qbil mal-Hospice biex jagħti fondi biex jgħin l-operat. Dak iż-żmien il-qbil sar fuq numru ta’ ħaddiema, illum il-ġurnata kbirna ħafna iżjed. Il-kumplament huma l-ġbir ta’ fondi li jsiru f’isem il-Hospice. Ikun hemm ukoll benefatturi li jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom, u gruppi oħrajn li jorganizzaw attivitajiet u li l-qliegħ tagħhom ikun għalina. Qed tidħol ukoll drawwa li fit-tiġijiet, flok jingħataw souvenirs, il-flus li suppost jintefqu fuqhom qed jingħataw lilna bħala donazzjoni.

Is-servizzi tagħkom huma kollha b’xejn?

Iva. Aħna għandna servizzi ta’ terapisti, infermiera, social workers eċċ, għandna wkoll is-servizz fejn xufier minn tagħna jwassal lill-pazjenti fl-isptar Boffa. Darba fil-ġimgħa nieħdu anke l-pazjenti fil-pixxina tal-Inspire ukoll. Apparti dawn is-servizzi għandna wkoll self ta’ tagħmir lill-pazjenti tagħna bħal sodod, siġġijiet tar-roti, saqqijiet, pultruni li jgħinuhom iqumu bil-wieqfa fost l-oħrajn. Kull sena qed ninvestu f’iktar tagħmir u f’iktar spazju biex ikollna fejn inqiegħdu dan it-tagħmir. 

Il-Hospice hu mmexxi minn ħaddiema u minn voluntiera hux hekk?

Iva. Fejn jidħlu nies professjonali trid tħallashom minħabba li trid iżżomm ċertu stabbiltà u kontinwità anke mal-pazjenti. Fejn jidħlu l-infermiera, kull infermier għandu numru ta’ pazjenti tiegħu li regolarment jieħdu ħsieb lil dawn il-pazjenti. Iżda mbagħad hemm ħafna voluntiera. B’kollox matul l-2014, il-voluntiera ħadmu ’l fuq minn 12,000 siegħa. Dawn jaħdmu ħafna għall-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi, għall-amministrazzjoni u anke x-xufiera. Bħala fulltimers għandna madwar 20 persuna. 

Il-kampanja Sunflower…

Il-warda tax-xemx hija l-fjura li dejjem nużaw bħala simbolu tagħna. Nużaw din il-fjura għax hija l-fjura li tikber waqt li tħares lejn ix-xemx, u x-xemx tfisser tama u saħħa u b’hekk għażilnieha bħala s-simbolu tal-Hospice. 

Aħna ta’ kull sena nibagħtu l-envelopes fid-djar għad-donazzjoni, din is-sena għamilnieha differenti mis-sena li għaddiet. Ma’ dawn l-envelopes qassamna informazzjoni fuq kif tikber is-sunflower, tajna ż-żerriegħa tal-fjura, imbagħad it-tfal f’kulleġġ partikolari żergħuhom, kabbruhom u entità tal-ambjent ġabrithom u tħawlu f’Ta’ Qali. 

Kif jintgħażlu l-voluntiera?

Wara li japplikaw, dawn ikunu intervistati biex naraw jekk dak li jridu huma huwiex dak li rridu aħna, fosthom l-attitudni u r-raġuni. Aħna nisħqu li persuna li jkun għadu kif tilef lil xi ħadd ma jidħolx immedjatament jaħdem bħala voluntier minħabba li għal bidu jkun għadu mhux lest biex jaħdem ma’ ħaddieħor. Imbagħad dawk li jintgħażlu nagħtuhom xi taħriġ, li fosthom jinkludi fuq kif għandek tikkomunika mal-pazjenti u l-qraba tagħhom, kif għandek tappoġġjahom, jitkellmu wkoll fuq il-valuri u anke fuq ir-responsabbiltajiet tagħhom. 

Kif semmejna diġà l-Hospice għadu kemm irċieva l-Premju taċ-Ċittadin Ewropew 2014, ġejtu nnominati mis-sitt membri Parlamentari, xi jfisser dan għalikom?

Aħna tassew onorati b’dan il-premju. Tassew kuntenti li ntgħażilna bħala Hospice għal dan il-premju. Imma fl-aħħar mill-aħħar, għalkemm jien irċivejt il-premju, iċ-ċittadin mhuwiex jien biss, kif għidt fis-serata tal-unuri, huwa l-kunsill tat-tmexxija li b’mod volontarju u b’serjetà kbira jara li l-NGO u l-Hospice jara li hi mmexxija b’mod effiċjenti, il-ħaddiema kollha tal-Hospice kif ukoll għandek il-benefatturi li qed jgħinuna, lill-voluntiera u wara kollox għandek il-pazjent li huma jagħmlulna l-kuraġġ nibqgħu għaddejjin. 

Kif isir moniteraġġ tax-xogħol li tagħmlu intom biex taraw kemm qed tkunu effettivi?

Aħna nkejlu bl-indikaturi tal-prestazzjoni tagħna. Fosthom hemm l-effettività min-naħa tal-kwalità u s-sigurtà min-naħa tal-pazjenti. Nużaw għodda biex inkejlu x’kienu s-sintomi meta ġew għandna u x’ġara wara li bdew jirċievu l-kura tagħna. B’hekk naraw kemm aħna effettivi. 

X’irwol għandha l-ispiritwalità fi ħdan il-Hospice?

“Nużaw għodda biex inkejlu x’kienu s-sintomi meta ġew għandna u x’ġara wara li bdew jirċievu l-kura tagħna b’hekk naraw kemm aħna effettivi”

Naħseb li, mill-esperjenza tiegħi, ħafna pazjenti, f’mumenti diffiċli jirriflettu iżjed b’mod spiritwali. Mhux qed nirreferi biss għal xi reliġjon speċifika imma iva, il-pazjent skont l-ideali reliġjużi tiegħu jirrifletti iżjed fuq attivitajiet sinifikanti u esperjenzi li jkunu qed jgħaddu minnhom. Ħafna pazjenti fi żminijiet diffiċli bħal dawn iħossu li għandhom jikkomunikaw u jitkellmu ma’ ta’ madwarhom u hawn jidħol is-sostenn spiritwali li jgħin il-pazjent u lil familja biex ikollom sens ta’ paċi u skop fil-ħajja.

Il-Hospice għandu xi rabta ma’ barra minn Malta?

Il-professjonisti tal-Hospice imorru ġimgħa f’St Christoper’s Hospital f’Londra bħala taħriġ biex jaraw x’sistemi jużaw hemm. Il-Maniġer, jiena u wħud minn tal-kunsill morna wkoll Princess Alice Hospice f’Esher l-Ingilterra biex b’hekk naraw x’sistemi jużaw u x’jaħdem hemm biex b’hekk aħna ma nagħmlux l-iżbalji li kienu għamlu huma u nitgħallmu mingħandhom. Tgħallimna f’dan l-isptar li huma qed joffru taħriġ lill-carers li jaħdmu fi djar tal-anzjani. B’hekk aħna se nissieħbu wkoll f’dan il-proġett u nibdew noffru taħriġ lill-carers li jaħdmu fi djar tal-anzjani Maltin għax qed naraw kif hemm anzjani li qed imutu imma mhux qed ikollhom kura paljattiva. B’hekk se nifirxu iżjed l-ħidma tagħna u l-għarfien fuq l-importanza ta’ kura paljattiva. 

X’inhuma l-ħolm tiegħek għall-Hospice?

Nixtieq nara lil Hospice jikber iktar u jibqa’ jagħti kura għal iktar kundizzjonijiet għax nemmen ħafna li kull persuna għandha tiġi trattata b’dinjità u rispett. Nixtieq ukoll li jkollna bini fejn fih inkunu nistgħu nibdew nilqgħu nies u noffru kura fuq il-post. Imma ovvjament qabel nagħmlu proġetti bħal dawn irridu noqogħdu b’kawtela liema bħalha biex ma ninvestux f’xi ħaġa li wara ma tkunx sostenibbli.

More in Intervisti