Il-Kummissjoni Ewropea trid leġiżlazzjoni biex tiġi projbita t-trobbija ta' ċerti annimali f'gaġġeġ

Dan wara petizzjoni li ġiet evalwata mill-Parlament Ewropew u li għaliha ffirmaw kważi 1.4 miljun persuna

Lejn tmiem it-trobbija fil-gaġġeġ?
Lejn tmiem it-trobbija fil-gaġġeġ?

llbieraħ il-Kummissjoni Ewropea wieġbet b'mod pożittiv għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “End the Cage Age” li b'hekk saret is-sitt inizjattiva ta' suċċess appoġġata minn aktar minn 1 miljun ċittadin madwar l-UE. 

Dan wara li kważi 1.4 miljun ċittadin tal-Unjoni Ewropea ffirmaw petizzjoni li dehret quddiem il-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kumitat tal-Agrikoltura.  Fiha huma qed jisħqu li għandha titwaqqaf il-prattika li annimali tal-irziezet jinżammu f'gaġeġ u minflok jintużaw metodi oħrajn ta' trobbija tal-annimali fl-irziezet, li huma aktar ħanina u aktar diċenti.  Dan sabiex mhux biss jiġu mħarsa il-benesseri tal-annimali imma wkoll sabiex it-trobbija tkun waħda etika. 

Ara hawnhekk artiklu li deher fuq il-gazzetta ILLUM fuq din il-kwistjoni aktar kmieni din is-sena

Fit-tweġiba tagħha, il-Kummissjoni tistabbilixxi pjanijiet għal proposta leġiżlattiva sal-2023 biex jiġu pprojbiti gaġeġ għal għadd ta' annimali tal-irziezet. Il-proposta se tiġi bħala parti mir-reviżjoni li għaddejja bħalissa tal-leġiżlazzjoni dwar il-benessri tal-annimali skont l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”.

B'mod partikolari, il-proposta tal-Kummissjoni se tikkonċerna:

 

  • Annimali diġà koperti mil-leġiżlazzjoni: tiġieġ tal-bajd, ħnieżer nisa u għoġġiela;
  • Annimali oħra msemmija fl-ECI: fniek, għawwietaq, tiġieġ tat-tnissil, tiġieġ tas-simna, summien, papri u wiżż. Għal dawn l-annimali, il-Kummissjoni diġà talbet lill-EFSA (European Food Safety Authority, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel) biex tikkomplementa l-evidenza xjentifika eżistenti biex tiddetermina l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-projbizzjoni tal-gaġeġ.

 

Billi t-tmiem tal-użu tal-gaġeġ se jirrikjedi bidliet fis-sistemi tal-irziezet attwali, il-Kummissjoni qalet li se tqis l-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi u ambjentali tal-miżuri li għandhom jittieħdu u l-benefiċċji għall-benessri tal-annimali f'valutazzjoni tal-impatt li għandha titlesta qabel tmiem l-2022.

F'dan il-kuntest, se ssir konsultazzjoni pubblika sa mhux aktar tard mill-bidu tal-2022. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-fattibbiltà li taħdem lejn il-leġiżlazzjoni proposta li tidħol fis-seħħ mill-2027.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024