1.4 miljun Ewropew jingħaqdu kontra t-trobbija ta' annimali tal-irziezet fil-gaġeġ

Il-Parlament Ewropew jiddiskuti inizzjattiva permezz petizzjoni iffirmata minn eluf kbar ta' nies - inkluż kważi 1,700 persuna f'Malta - kontra ż-żamma tal-annimali fil-gaġeġ u favur trobbija aktar etika u ħanina ...

Miljuni ta' Ewropej jiffirmaw petizzjoni kontra ż-żamma ta' annimali f'gaġeġ
Miljuni ta' Ewropej jiffirmaw petizzjoni kontra ż-żamma ta' annimali f'gaġeġ

Immaġina li f'ħajtek tista' tiċċaqlaq biss fi spazju ta' 10 madumiet u ħdejk fuq 10 madumiet ukoll hemm diversi nies oħrajn li bħalek ma jistgħux jiċċaqalqu minn dawk l-madumiet għal ħajjithom kollha.  Tiċċaqlaq, tagħtas, tiekol, tixrob, tagħmel il-bżonnijiet tiegħek u iktar - dejjem fuq l-istess spazju ristrett.  Tispiċċa titlef is-saħħa fiżika u anke dik psikoloġika tiegħek!  

Ħafna annimali tal-irziezet, speċjalment irziezet kummerċjali hekk jgħixu qabel jinqatlu għall-konsum.  Għalhekk kważi 1.4 miljun ċittadin tal-Unjoni Ewropea ffirmaw petizzjoni li dehret quddiem il-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kumitat tal-Agrikoltura.  Fiha huma qed jisħqu li għandha titwaqqaf il-prattika li annimali tal-irziezet jinżammu f'gaġeġ u minflok jintużaw metodi oħrajn ta' trobbija tal-annimali fl-irziezet, li huma aktar ħanina u aktar diċenti.  Dan sabiex mhux biss jiġu mħarsa il-benesseri tal-annimali imma wkoll sabiex it-trobbija tkun waħda etika. 

Din il-petizzjoni hija parti mill-European Citizens' Initiative, inizzjattiva ta' grupp ta' ċittadini li mbagħad tiġi diskussa fil-Parlament Ewropew. 

Din il-petizzjoni bl-isem End the Cage Age hija is-sitt l-aktar petizzjoni minn dawn it-tip ta' inizzjattivi li kienet ta' suċċess u l-ewwel inizzjattiva li titratta drittijiet ta' annimali f'irziezet.  L-akbar numru ta' firem ġew mill-Ġermanja b'total ta' kważi 475,000 firma, segwit mill-Olanda minn fejn inġabru b'kollox kważi 154,000 firma. 

Minn Malta - sa nhar il-Erbgħa li għadda, kienu inġabru 1,694 firma. 

112-il miljun fenek jgħixu fi spazju ċkejken - proposti biex jgħixu fi spazji aħjar

F'preżentazzjoni waqt li il-Kumitat Olga Kikou li hija l-Kap tal-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea għall-Kompassjoni fid-Dinja tat-Trobbija tal-Annimali qalet illi tiġieġ li jitrabbew fil-gaġeġ ħafna drabi jkollhom biss l-ispazju ta' karta A4 fejn jistgħu jiċċaqalqu, bil-konsegwenzi kollha li dan iġib miegħu għall-annimal u finalment anke għall-prodott li jispiċċa fuq il-platt tiegħek.

L-annimali tal-irziezet li l-aktar li jitpoġġew f'gaġeġ madwar l-Unjoni Ewropea huma fniek, tiġieġ, summien, papri u anke ħnieżer. 
Hija qalet illi b'kollox fl-UE hawn 112-il miljun fenek li jgħixu fi spazju żgħir ħafna u li jistgħu jgħixu aħjar f'sistema magħrufa bħala park system - fejn il-fniek jistgħu jiċċaqalqu u jkollhom interazzjoni ma' xulxin. 

Għaxar miljun ħanżir jinsabu f'gaġeġ li xi minn daqqiet tant ikunu żgħar li lanqas ikunu jistgħu jiċċaqilqu fihom, filwaqt 12-il miljun għoġol jinżammu f'solitudni maqtugħin mill-oħrajn fl-ewwel tmien xhur ta' ħajjithom. 
Finalment madwar 40 miljun papra u wiżża madwar l-UE jinżammu wkoll f'gaġeġ b'uħud minnhom jinżammu għal ġimagħtejn f'gaġġa biex jissemmnu ħalli jinqatlu għall-foie gras. 

Matul il-laqgħa tal-Kumitat intqal li hemm diversi modi kif wieħed iżomm l-annimali f'ambjent diċenti fosthom jiġru barra (free range) jew inkella f'imħażen fejn ikunu jistgħu jiċċaqalqu. 

Il-Membru Parlamentari mill-Partit Popolari Ewropew Dolors Montserrat preżenti għad-diskussjoni sostniet li hemm bżonn titwaqqaf il-prattika li annimali jitħallew fil-gaġeġ, tingħata l-għajnuna lill-bdiewa biex ikunu jistgħu jagħmlu t-tibdiliet neċessarji filwaqt li tali regoli jkunu armonizzati madwar l-UE kollha. 

Studju tal-Ewrobarometru juri illi 94% tal-Ewropej jaqblu li l-benesseri tal-annimali tal-irziezet huma importanti, filwaqt li 82% jaqblu li annimali tal-irziezet għandhom ikunu protetti.

It-tpoġġija tat-tiġieġ tal-irziezet f'gaġeġ huwa illegali fl-Awstrija, f'Wallonja fil-Belġju, il-Lussemburgu, iċ-Ċekja - fejn se jsiru illegali fl-2027, Franza, il-Ġermanja fejn se jsiru illegali fl-2025 u fl-Islovakkja fejn se jsiru illegali fl-2030.
Finalment Il-Kummissarju Ewropew tas-Saħħa u s-Sigurtà tal-Ikel Stella Kyriakides qalet illi l-Parlament Ewropew tkellem favorevolment dwar dan il-pass filwaqt li fakkret li dan kollu qed isir fid-dawl tal-addozzjoni tal-European Green Deal u l-Farm to Fork. 

X'inhi l-inizzjattiva Ewropea Farm to Fork? 

L-istrateġija Farm to Fork għandha l-għan li taċċellera it-tranżizzjoni għal sistema tal-ikel li hija aktar sostenibbli u li jkollha effett pożittiv jew tal-inqas, newtrali, fuq l-ambjent. Kif ukoll sistema li treġġa' lura it-telf tal-biodiversità u li tassigura sigurtà fl-ikel, nutrizzjoni u saħħa pubblika filwaqt li tassigura li kulħadd ikollu aċċess sigur, suffiċjenti, nutrittiv u sostenibbili fl-ikel. 
L-istrateġija Ewropea Farm to Fork taħdem biex tippreserva l-affordabilità tal-ikel filwaqt li tiġġenera dħul aktar ġust. 

'Se nintlaqtu sew' - Għaqda Produtturi tal-Fniek

F'kummenti mal-gazzetta ILLUM is-Segretarju tal-Għaqda Produtturi tal-Fniek Giangiorgio Galea saħaq illi jekk dawn il-bdliet iseħħu l-produtturi lokali tal-fniek, jintlaqtu b'mod qawwi ħafna.  Għalhekk wera' t-tama li jekk iseħħu tali bidliet il-produtturi jiġu mgħejjuna finanzjarjament. 

Galea sostna illi filwaqt li bħalissa jeżisti ħafna tgergir dwar il-prezz tal-ġwież li jgħid illi "qed jogħla kull sekonda" isostni illi l-għaqda għaddejja b'diskussjonijiet kontinwi dwar dawn il-bidliet li mistenni jkompli jiddiskuti l-Parlament Ewropew.  "Din se tolqotna sew ... speċjalment meta wieħed jara wkoll kemm naqas il-konsum tal-fenek f'Malta, minn madwar tmien kilo per capita għal madwar tliet kilos per capita, preżentement.

Huwa qal illi hemm żewġ sistemi, oltrè mill-gaġeġ, li huma trobbija ta' fniek fi kmamar jew btieħi jew inkella l-Park System fejn ikollok gaġeġ maqtugħin mill-art, fil-forma ta' open plan bil-fniek ikolhom aktar post fejn iduru. Huwa qal illi sistema simili (park system) għadha fil-bidu tagħha f'pajjiżna għalkemm jgħid li hija negozju tajjeb għall-produtturi. 

Jgħid illi 49 fenka, biż-żrameġ b'kollox bis-sistema all-in, all-out - kif tippermetti l-liġi sal-lum - twassal għal bejgħ ta' madwar €22,000 fis-sena. 

Huwa temm jgħid illi minkejja t-tnaqqis, in-negozju tal-fniek baqa' b'saħħtu u jiġġenera madwar €10 miljuni fis-sena, b'konsum medju ta' madwar seba' miljun fenek. 

F'Malta huma l-fniek u tiġieġ biss li jinżammu fil-gaġeġ. 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024