'Malta ma tistax tkun ċentru ta' salvataġġ tal-immigranti' - Alex Aguis Saliba

F'konferenza stampa l-MEPs Alex Aguis Saliba u Josianne Cutajar jiddiskutu t-tema tal-immigrazzjoni li ġiet diskussa dan ix-xahar, fil-plenarja tal-Parlament Ewropew

Fl-istess xahar li bosta pajjiżi wegħdu li mhux se jċedu qabel ma jaraw Patt tal-Immigrazzjoni lest u ffirmat fuq il-mejda, l-MEP Malti Alex Aguis Saliba sostna li "Malta ma tistax tkun ċentru ta' salvataġġ tal-migranti."

Dan il-patt li tkellmu fuqu l-MEPs Alex Aguis Saliba u Josianne Cutajar waqt konferenza organizzata mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f'Malta, hu l-istess ftehim li Roberta Metsola għamlet referenza għalih f'intervista mal-gazzetta ILLUM ftit tal-ġimgħat ilu. Dan il-ftehim huwa bbażat fuq xi tip ta’ burden sharing obbligatorju. Patt li Malta tkun qed tibbenifika ħafna minnu għax tkun qed taqsam l-piż tal-kriżi tal-immigranti ma' pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea. Iżda patt bħal dan qed isib l-oġġezzjoni ta' ħafna pajjiżi, l-aktar dawk fit-tramuntana tal-Ewropa u allura l-istati membri li mhumiex fil-fruntiera mediterranja tal-UE

Fuq dan kollu, Josianne Cutajar enfasizzat li kull MEP Malti/ija lest iħares id-drittijiet umani tal-immigranti irregolari li jidħlu f'pajjiżna, ħadd mill-MEPs ma jieħu gost li jara persuni jgħerqu, ibatu jew imutu. Intant iżda ż-żewġ ewroparlamentari qablu li Malta ma tiflaħx għall-iktar, u wasal iż-żmien li l-piż jinqasam bejn l-Istati Membri li wħud minnhom l-impatt ta' din il-kriżi mhux se jħossuh daqs Malta. 

Mistoqsi dwar l-immigranti li jitilqu minn pajjiżhom minħabba tibdil tal-klima, Aguis Saliba spjega li l-mozzjoni diskussa fil-plenarja tal-parlament ewropew f'dan il-każ ma titkellimx fuq dan it-tip ta' ċaqlieq ta' nies minn pajjiż għall-ieħor. Sostna wkoll li għalkemm bħala MEPs soċjalisti huma vvutaw favur li l-immigranti ta' dan it-tip jingħataw protezzjoni f’pajjiżi Ewropej, dan ma jfissirx li l-opinjoni tagħhom dwar l-immigrazzjoni f'Malta se tinbidel.

Huwa qal li l-Gvern Malti dejjem għamilha ċara li kull stat membru għandu jissodisfa l-obbligi internazzjonali tiegħu u jimxi mar-responsabbiltajiet f'termini tal-prinċipju ta' solidarjetà tal-UE. Iżda, min-naħa l-oħra, huwa wissa kif kien hemm bosta dgħajjes ta' immigranti li qasmu l-Mediterran matul dawn l-aħħar xhur u b'dan il-Parlament Ewropew jaf.

Tajjeb li nfakkru li propju din il-ġimgħa, mas-6,000 immigrant irregolari fosthom mal-2,000 tifel u tifla waslu fil-belt Spanjola ta' Ceuta fl-Afrika ta' fuq. Fil-fatt dan l-inċident kien imsemmi ħafna fil-plenarja tal-parlament ewropew.

Intant waqt il-plenarja tal-Parlament Ewropew, nhar it-Tlieta l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Portugiż Augusto Santos Silva qal li mill-bidu tas-sena sal-aħħar ta' April, 20,000 immigrant kienu diġà qasmu l-Mediterran sa April u madwar 747 tilfu ħajjithom.

Il-konferenza stampa organizzata mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f'Malta ddiskutiet temi li se ġew indirizzati fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew ta' Mejju.

Fost dawn it-temi kien hemm il-waiver tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali fuq il-vaċċin tal-Covid 19; il-baġit ikbar għall-Erasmus+; innovazzjoni diġitali u AI u l-istrateġija industrijali aġġornata għall-irkupru mill-kriżi. intant kienet it-tema tal-immigrazzjoni li għal darba oħra serqet l-attenzjoni ta' bosta.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024