20,000 immigrant kienu diġà qasmu l-Mediterran sa April u madwar 747 tilfu ħajjithom

L-MEP Malti Cyrus Engerer jistaqsi kemm l-UE se ddum titlob u titfa' l-flus mingħajr ma tipproteġi lill-Istati Membri - bħal Malta -  fuq il-fruntiera

Fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena diġà qasmu l-Baħar Mediterran 20,000 immigrant, li telqu mit-Tramuntana tal-Afrika biex din is-sena tidher li se tkun viċin is-sena l-oħra, f'termini ta' wasliet ta' immigranti, meta 100,000 persuna qasmu l-Mediterran. 

Dan intqal minn Augusto Santos Silva, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Portugiż - liema pajjiż bħalissa qed imexxi l-Presidenza tal-UE, waqt il-Plenarja tal-Parlament Ewropew li ddiskutiet is-sitwazzjoni ta' immigrazzjoni u anke imwiet fil-Mediterran. Din id-diskussjoni saret ukoll fid-dawl ta' wasliet kbar ta' immigranti fi Spanja fl-aħħar sigħat, mill-Marokk.  Fil-fatt, mill-inqas 6,000 immigrant waslu fi Cueta f'ġurnata - rekord assolut.  Fost dawn kien hemm mal-1,500 tifel u tifla, ħafna minnhom Marokkini. 

Spanja qalet illi diġà bagħtet lura 2,700 minn dawn l-immigranti imma għadha ma bagħtet lil ebda tfal lura. 

Santos Silva  fakkar kif sa issa kienu 747 persuna li mietu fil-Baħar Mediterran diġà din is-sena, bl-MEP Malti Cyrus Engerer ifakkar li dan huwa bejn wieħed u ieħor l-istess numru ta' Deputati fil-Parlament Ewropew.

Il-Ministru Portugiż qal illi l-priorità assoluta tal-UE tibqa' li ssalva l-ħajjiet iżda wkoll li tassigura sigurtà għan-nies li qed jaqsmu l-baħar kif ukoll għal dawk involuti f'operazzjonijiet ta' Tiftix u s-Salvataġġ. 

Huwa tkellem dwar l-importanza wkoll ta' toroq legali għall-immigrazzjoni.

Intant Engerer - bħal diversi MEPs oħrajn qablu - qal illi r-reazzjoni ewropea għal din l-isfida "kienet dejjem it-talb" u li jintefgħu l-flus lejn il-problema, "bil-pajjiżi fil-fruntieri jitħallew waħedhom.  Kemm se ndumu ngħoddu lill-mejtin fil-Baħar Mediterran - li għal uħud minnha huwa darna?  Il-piż tar-refuġjati jeħtieġ jinqasam," sostna l-MEP Malti. 

(Intant il-Ħadd li ġej il-gazzetta ILLUM se tirrapporta aktar dwar dak li ntqal fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew dwar dan is-suġġett)

 

 

 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024