Intervista | 'Qabel l-2013 ma kienx hemm dibattiti dwar Malta fil-Parlament Ewropew ... konna ngawdu r-rispett'

Tokkupa l-kariga ta' Viċi President tal-Parlament Ewropew, qed tmexxi inizjattiva favur leġiżlazzjoni madwar l-UE kontra l-ISLAPP u qed tmexxi wkoll investigazzjoni importanti fil-konfront tal-Frontex.  Eroj u kompetenti f'għajnejn eluf, traditura f'għajnejn eluf oħrajn.  Il-gazzetta ILLUM tintervista lil Roberta Metsola ...

 

Il-Viċi President tal-PE Roberta Metsola
Il-Viċi President tal-PE Roberta Metsola

Hija l-MEP Maltija bl-ogħla kariga li qatt kellha persuna minn pajjiżna f'din l-istituzzjoni Ewropea.  Kontroversjali, issemmiet diversi drabi biex issir Kap tal-Partit Nazzjonalista u ħafna votanti Laburisti jakkużawha illi 'tagħmel ħsara lill-pajjiż' u li hija 'traditura'. 

II-gazzetta ILLUM tiltaqa' mal-Viċi President tal-Parlament Ewropew u MEP Roberta Metsola u tibda billi tistaqsiha jekk din l-kariga - bil-ħtiġijiet kollha li ġġib magħha - minkejja l-prestiġju, naqqsitx ħafna mill-ħin li qabel kienet tqatta' man-nies, titkellem u taħdem fuq kwistjonijiet li għall-votanti huma ħafna iktar rilevanti. 

Metsola ma taqbilx u tisħaq illi lilhinn mit-titli u l-prestiġju, kif ukoll lilhinn mill-fatt li persuna Maltija ngħatat kariga tant għolja fil-Parlament Ewropew (PE), hi temmen li l-effett tal-kariga li ngħatat proprju qed iwassalha biex tiltaqa' ma' aktar nies, mhux inqas. 

"Tiskanta kemm jiġu għaqdiet u individwi li jiena nista' ngħin f'din il-pożizzjoni ... kull vot, f'kull diskussjoni li fiha nipparteċipa dejjem bqajt nitkellem dwar il-kwistjonijiet tan-nies," qalet Metsola mal-ILLUM, filwaqt li fakkret li lokalment għandha uffiċċju l-Ħamrun fejn imorru diversi persuni u għaqdiet jistaqsu għall-għajnuna soċjali, jew għajnuna għal xi inizzjattiva.

'Il-konsegwenzi fuq il-Frontex jistgħu jkunu kbar'

Immorru mill-ewwel fuq il-ħidma tal-Viċi President tal-Parlament Ewropew li bħalissa qed tmexxi l-investigazzjoni fuq allegat pushback ta' immigranti li sar mill-Frontex - l-aġenzija li hija proprju inkarigata biex tassigura li d-drittijiet tal-immigranti qed jitħarsu, filwaqt li tikkoordina l-immigrazzjoni fl-ibħra Ewropej.

Fhiex waslet din l-investigazzjoni?  U hemm xi ħjiel ta' ħtija minn naħa tal-aġenzija? 

Metsola tibda billi tgħid li l-immigrazzjoni hija sors ta' ħafna frustrazzjoni fost votanti - inkluż dawk Maltin, li tgħid illi jsemmu din il-kwistjoni flimkien mal-ambjent l-aktar meta jiġu għall-vot qabel elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

"Iva hemm akkużi serji u rridu nkunu ċerti li l-Frontex qed tipproteġi l-fruntieri imma fl-istess ħin qed tipproteġi l-ħajjiet," qalet lil din il-gazzetta, filwaqt li sostniet li x-xogħol fuq din l-investigazzjoni miexi ġmielu.  Il-laqgħat li qed isiru huma pubbliċi, u fihom l-MEPs iltaqgħu ma' bosta nies fosthom professuri tal-liġi - biex ikunu iċċarati lakuni u dilemmi legali bħal x'jikkostitwixxi pushback, kif jistgħu jintbagħtu lura l-immigranti u fejn se jintbagħtu. 

"Aħna rridu nistaqsu l-mistoqsijiet kollha - u żgur se jkun hemm rakkomandazzjonijiet dwar l-operat ta' Frontex, imma sa issa għadu ftit kmieni biex tiġi deteriminata xi forma ta' ħtija.  Din hija aġenzija importanti u huwa dritt tagħna li nagħtu kjarezza lin-nies u nkunu kredibbli," qalet mal-ILLUM. 

Imma x'inhuma l-implikazzjonijiet jekk tinstab xi forma ta' ħtija? 

Metsola tfakkar illi l-Parlament Ewropew għandu mandat b'saħħtu ħafna biex jssorvelja lil din l-aġenzija u qalet illi jekk tinstab xi forma ta' ħtija l-konsegwenzi jkunu kbar. 

"Min imexxi l-Frontex huwa kontabbli lejna bħala Parlament."

Ftehim politiku dwar l-immigrazzjoni f'Ġunju

L-ILLUM tfakkarha li riesaq sajf ieħor u mill-ġdid se nibdew naraw id-dgħajjes bl-immigranti deħlin u l-istess skużi.  Il-Parlament Ewropew ma jistax jagħmel mod ieħor, għax hemm min qed jimblokka qbil jew qed jidħak bin-nies fuq din il-kwistjoni?
Filwaqt li qalet li tifhem l-frustrazzjoni, sostniet li hemm bilanċ bejn ir-rispett tal-ħajja u l-ħarsien ta' min għandu bżonn il-protezzjoni, u l-bżonn ta' ħruxija ma' min jittraffika, filwaqt li min ma għandux dritt ikun pajjiżna jew fl-UE - jintbagħat lura.

"Sal-lum dan il-bilanċ għadu ma ntlaqħax," tammetti Metsola li tgħid iżda li sa qabel is-sajf temmen li se jintlaħaq ftehim fir-rigward tal-immigrazzjoni.  Hija qalet illi dan il-qbil ikun wieħed ibbażat fuq l-Att dwar l-Immigrazzjoni u jmur lilhinn mill-kunċett ta' burden sharing.  Mistenni jipproponi, fost oħrajn, sistemi biex per eżempju, immigrant malli jasal f'pajjiż tal-UE, bħal Malta, jintbagħat mill-ewwel fil-pajjiż li jkun se jibqa' jospitah u l-applikazzjoni tiegħu tiġi trattata hemmhekk.  Qalet ukoll li dan il-ftehim mhux se jippermetti lil stati membri biex jimblukkaw dawn il-bidliet. 

"Il-Presidenza Portugiża trid li jintlaħaq qbil politiku f'Ġunju biex b'hekk ikollna messaġġ ċar - anke dwar l-irwol ta' Frontex u biex naraw kif se nsolvu din il-kwistjoni," qalet Metsola. 

"L-appell tiegħi għalhekk huwa biex il-Gvern jinnegozja fil-Kunsill Ewropew fejn ħafna drabi deċiżjonijiet u inizzjattivi bħal dawn jitwaqqfu.  Jiena żgur li se nkompli nsemma' leħni," sostniet Roberta Metsola. 

Il-Kunsill tal-UE jirrappreżenta l-Gvernijiet tal-istati membri. Huwa fejn jiltaqgħu l-ministri nazzjonali minn kull pajjiż tal-UE biex jadottaw liġijiet u jikkoordinaw il-politiki. Il-Kunsill tal-UE għandu ħames rwoli ewlenin, fosthom li jinnegozja u jadotta liġijiet tal-UE, jikkoordina l-politiki tal-istat membru, jiżviluppa l-politika barranija u ta' 'sigurtà komuni tal-UE, jikkonkludi ftehim internazzjonali u jadotta l-baġit tal-UE.

'Il-ġudizzju ta' Gvern Laburista dwar fondi ewropej għad irid isir'

Ftit ilu l-Gvern fetaħ il-proġett tal-Marsa - proġett kbir, li kulħadd donnu qed jaqbel li kien hemm bżonnu, u li kien ikofinanzjat mill-UE.  Taqbel Metsola li, anke jekk kważi 20 sena, ilu l-PL kien kontra s-sħubija ta' Malta fl-UE, illum qed ikun kapaċi jassorbi l-fondi tal-UE b'mod effiċjenti? 

"Nibdew mill-fatt li l-UE kienet xi ħaġa tajba għal Malta, kienet deċiżjoni tajba," bdiet Metsola. 

Hija ammettiet illi l-mod kif il-Gvern qed jassorbi l-fondi huwa tajjeb imma sostniet li s-sitwazzjoni mhijiex waħda kif qed ipinġiha l-Gvern. 

"Per eżempju kellek fondi għall-Isptar Ġenerali ta' Għawdex li intilfu, minħabba deċiżjoni diżastruża tal-Gvern li jagħti dan l-isptar pubbliku lill-barranin.  Hemm fondi li nixtiequ li jiġu assorbiti aħjar, pero' hemm ukoll fondi li dwarhom ma sar xejn jew li ma ntefqux." 

Mistoqsija minn din l-gazzetta biex tagħti eżempju hija semmiet l-iskema ta' Invest EU u qalet illi wieħed irid jara kemm se jonfoq il-Gvern fuq il-Green Economy u fuq l-idiġitilizzar tal-ekonomija mill-fondi li se jingħataw bħala parti mill-programm ta' rkupru ewropew wara l-pandemija.

"Dawn mhux flus ta' Ian Borg jew ta' Robert Abela, imma flus tal-poplu Malti!  Jiġifieri l-ġudizzju fuq Gvern Laburista dwar din il-materja għad irid isir - aħna se nibqgħu nistaqsu," temmet tgħid l-MEP dwar dan is-suġġett. 

SLAPP - reżistenza għal liġi uniformi, li timponi sanzjonijiet

Roberta Metsola qed tmexxi wkoll inizzjattiva tal-Parlament Ewropew biex tinħoloq leġiżlazzjoni komuni kontra l-ISLAPP - proċedura li permezz tagħha persuna tiftaħ kawża kontra ġurnalist jew mezz ta' xandir f'ġurisdizzjoni differenti minn fejn jinsabu bbażati, bil-għan li din tagħmel pressjoni enormi fuq il-finanzi.  Per eżempju persuna li tiftaħ kawża kontra gazzetta Maltija, fil-Kanada.

Kemm taħseb li se jsibu reżistenza għal leġiżlazzjoni komuni anti-SLAPP madwar l-UE?

"Din kienet battalja kbira, anke biex saħansitra jkollna tali rapport," tibda tispjega Metsola mal-ILLUM. 

Hi qalet illi l-MEPs raw iċ-ċirkustanzi ta' Daphne Caruana Galizia, il-fatt li l-ġurnalista kienet inqatlet u anke l-fatt illi meta inqatlet kellha l-assi ffriżati wara mandat ta' sekwestru li kien għamlilha l-eks Ministru Chris Cardona fuq l-istorja dwar il-burdell f'Acapulco. 
Metsola  qalet illi hemm ħafna "skużi" li wieħed jista' jġib biex ma jagħmilx leġiżlazzjoni imma hi mhux skużi trid.  "Ara kemm ngħidu għax Malta żgħira pero' jekk jirnexxielna nuru l-akbar rispett lejn il-ġurnalisti bi protezzjoni xierqa u jkollna l-akbar rispett lejn il-libertà tal-espressjoni, permezz ta' din il-leġiżlazzjoni, ngħid mela għamiltu xogħoli."

Hija fakkret illi fuq din l-inizzjattiva hemm jaħdmu l-Partit Popolari Ewropew - li tiegħu hi u l-PN huma parti, imma wkoll l-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u Demokratiċi - li tiegħu l-PL huwa parti. 

"Hemm reżistenza kbira mill-Gvernijiet għaliha din, imma hemm rikonoxximent tal-bidla li ser iġġib, inkluż minn Reporters Without Borders."
X'tip ta' leġiżlazzjoni qed iħarsu lejha iżda? 

 Hi tgħid li l-proċess għadu jibda, imma l-MEPs li qed iħejju dan ir-rapport qed jaraw sitwazzjoni fejn dan jorbot lill-pajjiżi  u fejn hemm bżonn anke joħloq sanzjonijiet għall-protezzjoni tal-ġurnalisti u l-Kmamar tal-Aħbarijiet. 

Hi qalet illi jista' jkun ukoll li tinħoloq kategorizzazzjoni ta' ġurnalisti - jekk persuna hix blogger, per eżempju. 

'Sħubija fl-UE għat-Turkija m'għadhiex għażla'

Issir ħafna diskussjoni dwar SLAPP u drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-espressjoni u fl-istess ħin l-UE għadha qed tikkunsidra li t-Turkija - fejn il-Gvern ta' Erdogan sar notorju għal ksur, mhux il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem - issir membru tal-UE.  X'taħseb Roberta Metsola?
Hija qalet illi f'diskussjoni ma' Charles Michel (President tal-Kunsill tal-UE) u Ursula Von Der Leyen (President tal-Kummissjoni Ewropea) ħareġ ċar li issa d-diskors ma għadux dwar sħubija tat-Turkija fl-UE.  "Biss inti trid tkun taf x'inhu jiġri madwarek fil-pajjiżi ġirien - bħat-Turkija, ir-Russja u l-Libja."

Hija tgħid li s-sitwazzjoni bit-Turkija hija ftit differenti hekk kif hemm ftehim li permezz tiegħu t-Turkija qed iżomm eluf ta' immigranti, speċjalment mis-Sirja, hi u l-UE qed tagħti l-flus għal dan il-għan:  Madwar sitt biljun ewro. 

Hija qalet illi ladarba t-Turkija ħarġet mit-Trattat ta' Istanbul (l-ironija!) - li joffri protezzjoni lin-nisa speċjalment minn vjolenza u anke fid-dawl tal-mod kif qed titratta l-parti ta' Ċipru fil-kontroll tagħha, sħubija fl-UE ma baqgħetx għażla għat-Turkija. 

"Imma meta jkollok ġar ġeo-politiku daqstant importanti, ma tistax tinjorah."

'Sa qabel l-2013 ma kienx hawn dibattiti dwar Malta'

Induru fuq l-aktar punt li dwaru Metsola taqla' kritika.  Dibattitu bħall-aħħar wieħed li sar fil-Parlament Ewropew dwar il-każ ta' Daphne Caruana Galizia - proprju fil-ġimgħa meta kien hemm żviluppi kruċjali - fosthom arresti -   fil-każ u f'każi oħrajn.  X'ħa l-pajjiż? Ma saħħitx hi stess in-narrativa Laburista li hi u David Casa qed jippruvaw jagħmlu ħsara għal gwadan partiġġjan? 
Kieku tidħol fid-dar ta' xi ħadd u jgħidilha hekk, kif twieġeb?

"L-ewwel li nagħmel huwa li nixgħel il-filmat illi juri dak li għidt jiena fil-Parlament Ewropew, meta qomt u għidt li jiena kburi b'pajjiżi u bil-poplu Malti u l-avvanzi kbar li għamel, f'isem dawk il-Maltin li jixtiequ jaraw li r-reputazzjoni tagħna titranġa.  Sa qabel l-2013, ma kienx hawn dibattiti dwar Malta," qalet Metsola. 

Hi sostniet ukoll li "wara snin jgħajjruna giddibin, dak kollu li konna ngħidu jirriżulta li kien minnu - kien bażi biżżejjed biex Keith Schembri jitressaq il-Qorti." 

Metsola sostniet li kif il-Parlament Ewropew jitkellem fuq ħafna sitwazzjonijiet f'ħafna pajjiżi, "ma setax ma jitkellimx fuq pajjiż li sal-2013 kien igawdi tant rispett."

Hija qalet illi l-kritika taċċettaha imma li ma taċċettax huwa li tfajliet li jkunu jixtiequ jidħlu fil-politika jibqgħu lura għax jibżgħu li se jiġu attakkati u mżebilħa, kif tgħid li l-PL jagħmel lilha.  Tgħid ukoll illi l-PL qed ikun selettiv u ma jsemmiex kemm fil-fatt l-MEPs tal-PN jaħdmu ma' dawk Laburisti għal emendi f'diversi oqsma, li jolqtu lil diversi ħaddiema u tfakkar li huma kienu vvutaw favur Karmenu Vella bħala Kummissarju Ewropew. 

"Din l-ispin ta' kollox blu u kollox aħmar trid tieqaf.  Anke irċevejt ittra mingħand tifel dwar il-faqar, bdew jgħidu li mhux vera kitibha jew li kitibhieli xi ħadd - fejn hija l-qalb mal-ħaddiema u l-foqra tal-Partit Laburista?' staqsiet Metsola.

Vaċċin u Intelliġenza Artifiċjali

Metsola kienet ukoll qed tmexxi inizzjattiva tal-Parlament Ewropew dwar il-varjanti.  Roberta Metsola qalet illi din l-inizzjattiva issa għaddiet u saret ukoll proċedura iktar mgħaġġla biex kumpaniji li diġà għandhom il-liċenzja biex jipproduċu vaċċin, jassiguraw li meta jidħlu l-varjanti jkunu assigurati boosters jew inkella li l-vaċċin ikun mibdul b'mod li jkun jiflaħ jiġġieled il-varjant il-ġdid. 

Dwar il-vot tagħha fil-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili li jitratta l-abbuż frott tal-Intelliġenza Artifiċjali, hija qalet illi filwaqt li qed isseħħ bidla rivoluzzjonarja huwa importanti li niftakru li bħal f'kollox anke l-Intelliġenza Artifiċjali għandha n-naħa inqas pożittiva. 
"Għalhekk qed niddiskutu qafas etiku - li jipproteġi, fost oħrajn, lit-tfal," qalet Roberta Metsola. 

Bernard Grech:  'Il-karatteristiċi kollha biex jimplimeta l-viżjoni tal-PN'

U finalment il-gazzetta tistaqsi lil Metsola jekk hix qed tħares lejn karriera politika lokali, lilhinn mill-Parlament Ewrope - anke fid-dawl tal-fatt li kull darba li jkun hemm xi ċaqlieq fit-tmexxija tal-PN jissemma' isimha. 

Hi tgħid li probabbilment tissemma' għaliex hi titkellem u tieħu pożizzjonijiet anke meta jkunu dwar kwistjonijiet diffiċli.  "F'Bernard Grech għandna Kap li għandu l-karatteristiċi kollha sabiex jimplimenta l-viżjoni tal-PN ladarba l-partit ikun fil-Gvern u sabiex jgħaqqad lill-partit."

Dwarha iżda Metsola ma kkumentatx u qalet biss li hi mhux se titkellem fuq sitwazzjonijiet ipotetiċi.  "Ilum fil-PN ninsabu magħqudin, biex nikkonfrontaw, biex niddiskutu u nagħmlu l-politika," temmet l-intervista l-MEP Roberta Metsola.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024