'Il-pandemija ħolqot piżijiet ġodda fuq il-kultura u s-settur tal-kreattività'

Roberta Metsola tisħaq li Creative Europe hija 'aħbar eċċellenti għas-setturi kulturali u kreattivi fl-Ewropa'

l-Viċi President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li bi Creative Europe, l-Unjoni Ewropea se tkun qed tinvesti biljuni ta' ewro fl-oqsma tal-kultura, il-kreattività u l-media. Waqt diskussjoni fil-plenarja, il-Kap tad-delegazzjoni Maltija fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew, qalet li "l-pandemija ħolqot piżijiet ġodda u riperkussjonijiet negattivi mmens fuq il-kultura u s-settur tal-kreattivita’."

Roberta Metsola spjegat kif "artisti, awturi, mużiċisti, atturi, min jagħti assistenza teknika u professjonali biex isiru l-produzzjonijiet u l-wirjiet, kantanti, żeffiena … dawk kollha li direttament jew indirettament huma involuti fl-arti viżiva, perfomattiva, ta’ spettaklu u tant oħrajn, kollha b’xi mod jew ieħor ġew milquta ħażin. Il-passjoni u l-għixien tagħhom spiċċaw fix-xejn u magħhom batew il-familji tagħhom."  Metsola saħqet li mingħajr attivita’ artistika u kulturali jkollna soċjetaà ifqar.

Intant ara hawnhekk kif l-Kumitat tal-Kultura u l-Edukazzjoni fi ħdan il-Parlament Ewropew qed jipproponi li mill-inqas 2% tal-baġit tal-Faċilità ta' Rkupru u Reżiljenza tal-UE imorru għall-qasam tal-kultura.

Roberta Metsola qalet li l-istorja tal-Ewropa hi minsuġa mal-iżviluppi artistiċi u kulturali. "Kbirna bħala poplu, bħala komunita’ magħġuna fi storja kulturali rikka fejn l-Ewropa hi fi klassi għaliha. Il-kultura għandha valur. L-arti tagħtina identità filwaqt li l-media għandha sehem fil-ħajja demokratika."

Hija qalet li dawn m’għandhomx ikunu footnote fl-azzjonijiet li jittieħdu fl-irkupru mill-COVID. "Dawn il-professjonisti għandu jkollhom, bi dritt, il-kapitlu tagħhom." Saħqet li għalhekk, Creative Europe "hi aħbar eċċellenti għas-setturi kulturali u kreattivi fl-Ewropa. Issa nistgħu nipprovdu fondi sostanzjali – biljuni – għal dawn is-setturi: il-kultura, il-kreattivita’ u l-media."

Fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola qalet li ħafna pajjiżi, inkluż Malta, din il-ġimgħa se jkollhom ħarsithom fuq il-Eurovision, li ddeskrivietu bħala "espressjoni ta’ settur wieħed ta’ talent li jinvolvi tant nies kreattivi."

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024