Proposta biex 2% tal-fondi għall-irkupru tal-UE jmorru għall-artisti u l-qasam tal-kultura

7.6 miljun Ewropew jaħdem fil-qasam tal-arti u l-kultura madwar l-UE - settur li ra telf totali ta' €200 miljun fl-2020.  Il-Parlament Ewropew iressaq abbozz b'diversi appelli u proposti...

Il-Kumitat tal-Kultura u l-Edukazzjoni fi ħdan il-Parlament Ewropew qed jipproponi li mill-inqas 2% tal-baġit tal-Faċilità ta' Rkupru u Reżiljenza tal-UE imorru għall-qasam tal-kultura, settur ieħor li ntlaqat b'mod ħażin ħafna mill-pandemija tal-Covid-19. 

F'abbozz imressaq fi tmiem April, ir-rapporteur Monica Semedo tfakkar illi dan is-settur jirrapreżenta 4.4% tal-Prodott Domestiku Gross tal-UE u jħaddem b'kollox 7.6 miljun persuna fuq il-kontinent.  Il-pandemija fissret l-għeluq tat-teatri u mużewijiet u wasslet biex eluf ta' attivitajiet illi fihom jipparteċipaw l-artisti jiġu kkanċellati jew inkella posposti għal xi data fil-futur, realtà li affetwat lill-artisti kemm finanzjarjament kif ukoll psikoloġikament. Fil-fatt is-settur tal-kreattività u l-kultura ra tnaqqis kbir fil-qligħ ta' 30%, matul l-2020 - is-sena illi matulha d-dinja marret f'lockdown għal diversi xhur, filwaqt li t-turiżmu waqaf b'mod kważi assolut.  Dan jirriżulta f'telf totali ta' €199 miljun, bis-settur tal-mużika jesperjenza tnaqqis ta' 75% u dak tal-arti jara tnaqqis ta' 90%. 

Il-maġġoranza l-kbira ta' negozji f'dan il-qasam huma żgħar jew medji u ħafna artisti jaħdmu part time, bi dħul li huwa rregolari u ġeneralment iktar baxx. 

Ir-rapport jgħid illi minn Ġunju 2007 ma sar ebda progress, fosthom f'dak li jitratta kundizzjonijiet tax-xogħol tal-artisti, drittijiet u ugwaljanza.  "Il-kriżi tal-Covid-19 għamlet lill-artisti u l-professjonisti fil-qasam tal-kultura ħafna iktar vulnerabbli, hekk kif it-tnaqqis fid-dħul, kien iggravat minħabba nuqqas ta' skemi ta' sigurtà soċjali u miżuri ta' appoġġ. L-impatt kontinwu tal-pandemija għamilha aktar impossibbli għal ħaddiema fil-qasam kulturali u kreattiv biex jagħmlu xogħlhom u ġġenera inċertezza dwar prospetti għall-futur, li jista' jwassal biex diversi jabbandunaw dan is-settur."

Il-Parlament Ewropew qed ifakkar ukoll li l-fatt illi ħafna artisti mhumiex membri ta' unjin u allura ma humiex koperti bi ftehim kollettiv, ifisser li l-artisti ibatu aktar minn nuqqas ta' adegwatezza soċjali. 

Apparti dan kollu, il-Parlament Ewropew ifakkar li madwar l-UE jeżistu restrizzjonijiet fuq l-espressjoni artistika kif ukoll attakki fuq artisti mill-komunità LGBTIQ+. 

Aktar protezzjoni ...

Għalhekk il-Kumitat qed jitlob sabiex l-Istati Membri kollha jaqdu l-obbligazzjonijiet tagħhom li jiddefendu u jirrispettaw il-libertà artisitika u l-libertà tal-espressjoni, sabiex iċ-ċittadini kollha ewropej igawdu l-arti b'mod liberu.  Għalhekk qed jappellaw biex l-istati membri jikkunsidraw aċċess għal protezzjoni soċjali bażika għall-artisti, ikun xi jkun l-istatus tal-impjieg tagħhom. 

Qed jirrakkomandaw ukoll li jinħoloq qafas ewropew li jiddetermina l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persuni li jaħdmu f'dan is-settur, filwaqt li qed jipproponu li kwalifiċi u diplomi fl-arti jkunu rikonoxxuti madwar l-UE b'mod ugwali. 

Dwar il-copyright - kwistjoni li fl-aħħar snin qajmet ħafna kontroversja, fost oħrajn minħabba l-użu ta' diski fi ħwienet (bħal tax-xagħar, sbuħija ...) mingħajr ma s-sid ikun ħallas liċenzja - dan ir-rapport jappella biex l-Istati Membri jintroduċu d-direttiva ewropea tal-2019 fil-liġi. 

Din id-direttiva sabet l-oppożizzjoni ta' diversi kumpaniji kbar tat-teknoloġija, imma sabet l-appoġġ ta' gruppi tal-midja, pubblikaturi u gazzetti. Dawn tal-aħħar jaraw illi permezz ta' din il-liġi għandhom iktar kontroll fuq l-użu mill-ġdid ta' xogħol li deher fil-pubblikazzjoni/gazzetta/ktieb tagħhom. 

L-MEPs tal-Kumitat, finalment, qed jappellaw lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrikonoxxi l-importanza u l-irwol fundamentali ta' dan is-settur u l-ġid li joħloq għall-ekonomiji u l-benesseri tal-popli ewropej u għalhekk qed jinsistu li dan għandu jkun trażmess f'aktar appoġġ finanzjarju u strutturali. 

Il-bżonn ta' qafas komuni Ewropew għall-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-artisti ...

L-ewwel u qabel kollox l-Unjoni Ewropea m'għandhiex id-dritt li tintervjeni b'mod dirett fil-qasam tal-kultura, hekk kif dan is-settur jibqa' kompetenza nazzjonali.  L-UE tista' biss tgħin, tiffaċilità jew inkella tappoġġja ċerti inizzjattivi. 

Għalhekk l-UE qed tħares lejn koordinazzjoni u tibdil f'diversi politiki - fosthom tad-drittijiet fundamentali,  politika soċjali u suq intern, biex tkun tista' tibni dan il-qafas. 

Ir-rapport tal-Parlament Ewropew 'The Situation of Artists and Cultural Workers and the post COVID-19 Cultural Recovery in the European Union' jelenka r-raġunijiet ewlenin għaliex hemm bżonn li l-UE tintroduċi tali qafas.  Fosthom, il-bżonn ta' standards minimi bħal kundizzjonijiet tax-xogħol, tassazzjoni u aċċess għal sigurtà soċjali.  Kif ukoll il-bżonn li jkun iffaċilitat l-aċċess tal-artisti u persuni li jaħdmu fil-qasam kulturali għall-benefiċċji bħal dawk tal-qgħad u pensjoni u suq ħieles mingħajr tariffi għal dan is-settur. 

Il-pajjiżi ta' madwar l-UE lanqas biss jaqblu fuq id-definizzjoni tal-kelma 'artist' u allura dan ir-rapport jisħaq fuq il-bżonn ta' definizzjoni inklussiva u komuni fuq livell ewropew.  

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024