Il-PN iniedi manifest elettorali b’aktar minn 1,000 proposta taħt it-tema “Nifs Ġdid”
Alex Borg iwiegħed traffiku “ħaġa tal-passat”, sistema ta’ metro taħt l-art, sptar ġdid għal Għawdex u aktar miżuri biex jindirizza l-għoli tal-ħajja, filwaqt li l-Kunsill Ġenerali tal-PN approva uffiċjalment il-programm elettorali maqsum f’16-il kapitlu
minn Jaelle Borg
Il-Partit Nazzjonalista llejla nieda uffiċjalment u approva l-programm elettorali tiegħu bit-titlu “Nifs Ġdid”, dokument mifrux fuq 16-il kapitlu u li jinkludi aktar minn 1,000 proposta dwar l-ekonomija, is-saħħa, it-trasport, l-edukazzjoni, Għawdex, il-governanza, l-ambjent u oqsma oħra.
Il-manifest elettorali ġie ppreżentat waqt Kunsill Ġenerali tal-PN, fejn fl-aħħar tas-serata tressaq għall-approvazzjoni tal-kunsilliera.
Fl-indirizz tiegħu lill-partitarji, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg qal li l-manifest huwa mibni fuq il-viżjoni li Malta u Għawdex “jerġgħu jieħdu n-nifs”, filwaqt li sostna li “dan hu l-mument tiegħek”. Borg irringrazzja lil dawk li fdawh fit-tmexxija tal-partit u qal li l-PN “għada se jkun aktar b’saħħtu u l-għada tiegħu aktar b’saħħtu minn għada”.
Waħda mill-akbar wegħdiet tal-manifest tikkonċerna l-infrastruttura u t-traffiku. Borg wiegħed li traffiku “jsir ħaġa tal-passat” permezz tal-miżuri tal-PN, filwaqt li qal li mhux se “jinħela aktar ħin fuq studji, gimmicks u propaganda”.
Il-manifest jipproponi sistema nazzjonali ta’ Mass Rapid Transport, prinċipalment taħt l-art. L-ewwel fażi tinkludi linja ta’ 11.5 kilometru bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar bi tmien stazzjonijiet u għaxar ferroviji, bi spiża stmata ta’ €1.4 biljun u bil-mira li titlesta fl-ewwel ħames snin ta’ gvern. It-tieni fażi tinkludi linja oħra u estensjonijiet addizzjonali, biex l-investiment kapitali jitla’ għal €3.9 biljun u b’kapaċità ta’ madwar 55 miljun vjaġġ fis-sena.
Dwar Għawdex, Borg qal li gżira Għawdxija “mhix se tibqa’ trattata bħala gżira tat-tieni klassi”. Fost il-proposti hemm status reġjonali effettiv għal Għawdex fil-Kostituzzjoni sabiex tissaħħaħ l-awtonomija amministrattiva tiegħu, kif ukoll sptar ġdid ta’ 400 sodda b’heliport. Il-PN qed jipproponi wkoll li Għawdex isir gżira net-zero permezz ta’ aktar afforestazzjoni u miżuri ambjentali.
Borg irrefera wkoll għat-tħassib dwar is-sigurtà tal-ikel waqt il-pandemija, fejn il-manifest jipproponi tikketta apposta biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jidentifikaw prodotti lokali. Il-PN qed iwiegħed ukoll fondi għar-riabilitazzjoni ta’ ġibjuni u ċisterni sabiex il-ġbir tal-ilma tax-xita jsir rekwiżit standard fl-investiment agrikolu.
Il-governanza tifforma kapitlu sħiħ fil-manifest elettorali, b’Alex Borg jgħid li l-PN se jieħu dan is-suġġett “bis-serjetà”. Fost il-miżuri mħabbra hemm liġi ġdida dwar unexplained wealth, kif ukoll riforma fix-xandir pubbliku sabiex tkun assigurata aktar imparzjalità.
Dwar il-kriżi tal-għoli tal-ħajja, Borg qal li l-manifest għandu l-għan li jagħti aktar “financial breathing space” lill-familji Maltin. Huwa semma wkoll proposti li kienu diġà tħabbru, fosthom it-tneħħija tat-taxxa tas-suċċessjoni.
Il-manifest jipproponi wkoll li l-limitu għall-eżenzjoni tal-VAT għal negozji żgħar jiżdied minn €35,000 għal €70,000 sabiex jingħata aktar nifs lis-self-employed u lill-SMEs.
Fil-qasam tas-saħħa, Borg reġa’ tenna l-wegħda tiegħu dwar network ta’ sptarijiet u estensjonijiet għal Mater Dei u l-Paola Hub. Skont il-manifest, il-PN qed jipproponi erba’ ċentri ewlenin tas-saħħa: Mater Dei Hospital, sptar ġdid fit-Tramuntana ta’ Malta, sptar reġjonali f’Paola permezz tat-trasformazzjoni tal-Paola Hub, u sptar ġdid f’Għawdex.
Meta tkellem dwar il-popolazzjoni, Borg qal li l-PN “mhux qed jipprova jdawwar l-arloġġ lura”, iżda jrid pjan għal tkabbir sostenibbli tal-popolazzjoni. Fost il-proposti hemm il-ħolqien ta’ awtorità ġdida dwar il-popolazzjoni.
Dwar l-anzjani, il-PN qed iwiegħed żjarat mediċi b’xejn fid-djar, kif ukoll skema ta’ appoġġ għal persuni ’l fuq minn 65 sena li bħalissa ma jikkwalifikawx għal sussidji tal-kera.
Fil-qasam ambjentali, Alex Borg wiegħed aktar investiment fi spazji miftuħa fil-qalba tal-irħula “u mhux gravel”. Il-kapitlu dwar l-ambjent huwa mibni fuq it-tema “Ambjent li jagħtik nifs, f’pajjiż fejn ma tkunx fgat”.
Il-programm elettorali jinkludi wkoll kapitli separati dwar edukazzjoni u ħiliet, turiżmu, kultura u arti, enerġija u ilma, żgħażagħ u politika barranija. Filwaqt li l-kapitlu dwar l-edukazzjoni jitkellem dwar “Malta tal-lum u għada”, dak dwar it-turiżmu jipproponi bidla “mill-volum għall-valur”.
Tul il-manifest kollu, il-PN qed jippreżenta l-proposti tiegħu bħala viżjoni biex “Malta terġa’ tieħu n-nifs”, b’enfasi fuq kwalità ta’ ħajja aħjar, tnaqqis fit-traffiku, għoli tal-ħajja aktar sostenibbli u pajjiż li “jerġa’ jaħdem għan-nies”.
