Il-PN jippreżenta proposta ta’ metro taħt l-art: L-ewwel linja mistennija tiswa €1.4 biljun

Proposta ta’ metro taħt l-art bi spiża ta’ €1.4 biljun għall-ewwel linja tinsab fil-qalba tal-pjan tat-trasport tal-PN, li qed jinsisti li Malta ma tistax tibqa’ tiddependi fuq “soluzzjonijiet short term” quddiem traffiku li qed jiswa lill-pajjiż €900 miljun fis-sena u jħalli impatt dirett fuq il-kwalità tal-ħajja, l-ekonomija u s-saħħa tan-nies

Ritratt:PN
Ritratt:PN

“Malta ma tistax tibqa’ sejra hekk.” Dan kien il-messaġġ ċentrali waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista fejn ġiet ippreżentata proposta għal sistema nazzjonali ta’ mass rapid transport (MRT) taħt l-art, bl-ewwel linja biss mistennija tiswa madwar €1.4 biljun. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li t-traffiku sar wieħed mill-akbar problemi tal-pajjiż, b’impatt dirett fuq il-familji, il-ħaddiema, in-negozji, is-saħħa u l-kompetittività ekonomika ta’ Malta.

“Konna rajna ħafna kliem, wegħdi u billboards dwar it-trasport, imma ħafna inqas twettiq,” qal Borg waqt il-konferenza. “It-traffiku sar piż fuq il-familji, fuq il-ħaddiema, fuq in-negozji u fuq saħħitna.” 

Il-PN qal li t-traffiku qed jiswa lill-pajjiż madwar €900 miljun fis-sena, iżda sostna li l-problema mhix biss ekonomika. “Din hija wkoll dwar il-ħin ta’ ħajjitna, dwar il-ħin moħli fit-toroq u dwar jekk Malta tistax tibqa’ taħdem bħala pajjiż modern,” sostna l-partit. 

Skont il-PN, il-problema ewlenija hija li ħafna nies m’għandhomx alternattiva realistika għall-karozza privata.

“In-nies jagħżlu l-karozza għax m’għandhomx alternattiva oħra li taħdem. Il-karozza saret l-unika għażla,” qal Borg. 

Il-proposta tal-PN tikkonsisti f’sistema taħt l-art mibnija fuq netwerk ta’ hubs u stazzjonijiet strateġiċi qrib żoni ta’ xogħol, edukazzjoni, servizzi u densità għolja ta’ popolazzjoni. 

Il-kandidat Julian Borg spjega kif is-sistema hija mibnija fuq “loġika ta’ domanda, densità u konnessjonijiet” sabiex tkun tista’ taqdi lill-akbar ammont ta’ nies possibbli. 

Huwa qal li fl-ewwel 100 jum ta’ Gvern Nazzjonalista tinħoloq National MRT Implementation Unit dedikata għall-proġett sabiex tmexxi l-istudji tekniċi, baseline reports, validazzjoni tar-rotot u l-istazzjonijiet, environmental assessments u risk mitigation planning. 

Borg spjega wkoll li qabel ma jibda t-tħaffir irid isir studju estensiv dwar l-impatt fuq il-bini eżistenti u l-infrastruttura tal-madwar.

“Il-pass li jmiss ma jkunx li nħaffru minnufih,” qal Borg. “L-ewwel irridu nifhmu sew l-impatti kollha.” 

Skont il-pjan imħabbar, wara l-ewwel 100 jum jibda l-proċess ta’ planning u disinn dettaljat, b’laqgħat regolari fil-livell tal-kabinett matul l-ewwel 14-il xahar tal-proġett. 

L-ewwel linja proposta se tkun twila 11.5 kilometru u tgħaddi mill-aktar kuritur urban dens f’Malta, fejn tgħaqqad l-Ajruport ma’ Santa Venera, Ħal Qormi, iż-żona tal-Università, il-Gżira, Tas-Sliema, San Ġiljan u Pembroke. 

Il-PN qal li l-ferroviji huma mistennija joperaw bi frekwenza ta’ tmien vjaġġi fis-siegħa, jiġifieri madwar kull seba’ minuti taħt kundizzjonijiet normali. 

Il-proposta tinkludi wkoll tliet komponenti ewlenin: il-linja prinċipali taħt l-art, interchange hubs li jgħaqqdu sistemi differenti ta’ trasport u feeder services sabiex jgħaqqdu żoni residenzjali mal-istazzjonijiet, minħabba li l-metro mhux se jkun jista’ jilħaq kull lokalità. 

Il-PN qal li sistema taħt l-art hija neċessarja minħabba li “l-problema mhix biss it-traffiku imma l-kapaċità tas-sistema”.

Il-partit sostna li sistema elevated jew fuq l-art kienet iżżid il-pressjoni fuq infrastruttura li diġà tinsab taħt piż qawwi. 

Il-proġett huwa maħsub li jsir prinċipalment permezz ta’ Tunnel Boring Machines (TBM), magni kbar li jħaffru mini b’mod kontinwu u kontrollat taħt l-art. Il-PN qal li dan il-metodu jnaqqas il-bżonn ta’ road closures u open-air excavation fuq skala kbira, għalkemm ammetta li ċertu xogħolijiet lokalizzati madwar stazzjonijiet u access shafts xorta jkunu inevitabbli. 

L-iskavar huwa mistenni jibda madwar 26 xahar wara l-bidu formali tal-proġett permezz ta’ żewġ TBMs li jaħdmu simultanjament. Skont il-PN, il-mini jistgħu jitħaffru b’pass ta’ bejn 15 u 25 metru kuljum skont il-kundizzjonijiet ġeoloġiċi. 

Ladarba jibda x-xogħol tal-iskavar, il-mina kollha ta’ 11.5 kilometru mistennija titlesta f’madwar 15-il xahar. 

Il-proposta tinkludi flotta ta’ 10 ferroviji, b’kull waħda stmata tiswa madwar €8.5 miljun. Barra minn hekk, kull stazzjon ikun mgħammar b’lifts, escalators, fire exits u drainage systems bħala parti mill-miżuri ta’ sigurtà u aċċessibilità. 

L-eks Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li madwar 30% tal-finanzjament huwa mistenni jiġi minn fondi Ewropej, filwaqt li strutturi oħra ta’ finanzjament għadhom qed jiġu evalwati. 

Delia sostna li din hija “sistema li toħloq kapaċità ġdida” u qal li għall-ewwel ħames snin il-fokus ikun fuq l-ewwel linja tal-proġett. 

Il-PN qal li t-tieni linja futura tkun teħtieġ investiment addizzjonali ta’ madwar €2.5 biljun. 

Mistoqsi dwar il-materjal tal-iskavar, Julian Borg qal li l-construction waste se jerġa’ jintuża fi proġetti oħra, partikolarment dawk marbuta ma’ land reclamation. 

Huwa qal ukoll li l-PN qed jagħti prijorità lill-użu ta’ art pubblika u infrastructure corridors eżistenti għall-istazzjonijiet, għalkemm sostna li aktar studji għadhom meħtieġa biex jiġu finalizzati l-lokalitajiet preċiżi tal-waqfiet. 

More in Elezzjoni 2026