Il-Partit Laburista tenna li Gvern Laburista jibqa’ “garanzija għal kull min jaħdem” waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni Andy Ellul flimkien mal-kandidati Laburisti Josef Bugeja u Lisa Cassar Shaw.
Waqt il-konferenza, l-esponenti Laburisti għamlu referenza għal diversi miżuri li diġà ġew inklużi fil-programm elettorali tal-partit favur il-ħaddiema, it-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Andy Ellul qal li Partit Laburista fil-Gvern jibqa’ ffukat fuq ekonomija li “toħloq il-ġid u tqassmu fost kulħadd”, filwaqt li sostna li l-ħaddiema għandhom ikomplu jibbenefikaw minn kundizzjonijiet aħjar.
Huwa rrefera għall-proposta ta’ bonus annwali mhux taxxabbli ta’ €1,000 għal ħaddiema bi dħul ekwivalenti jew ogħla mill-paga minima.
Ellul semma wkoll li ħaddiema part-time bi dħul taħt it-€12,000 fis-sena jingħataw bonus pro-rata ta’ mhux inqas minn €500.
Is-Segretarju Parlamentari għamel referenza wkoll għall-proposta li ż-żgħażagħ jiġu eżentati mit-taxxa tad-dħul fuq l-ewwel €30,000 fis-sena għall-ewwel tliet snin tax-xogħol tagħhom jew meta jiftħu l-ewwel start-up.
Huwa qal li din hija “investiment fiż-żgħażagħ” fil-bidu tal-ħajja tax-xogħol tagħhom.
Ellul qal ukoll li l-limitu tad-dħul minn xogħol part-time intaxxat b’10% jiżdied għal €15,000, filwaqt li għal self-employed part-time jitla’ għal €20,000.
Huwa rrefera wkoll għall-proposta tal-Partit Laburista biex il-ħaddiema jkollhom id-dritt jitolbu arranġamenti ta’ xogħol flessibbli fosthom remote working u flexi-time.
Skont Ellul, negozji żgħar li joffru remote working jistgħu jingħataw sa €1,000 għal kull ħaddiem, sa massimu ta’ €50,000.
Min-naħa tiegħu, il-kandidat Laburista Josef Bugeja qal li l-Partit Laburista jrid suq tax-xogħol “attrezzat għar-realtajiet moderni”, u għalhekk qed jipproponi li d-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi jinbidel f’awtorità b’aktar setgħat u riżorsi.
Huwa qal li dan għandu jwassal għal rimedji aktar effettivi u aktar veloċi għall-ħaddiema, filwaqt li għamel referenza wkoll għar-riforma li bdiet biex jissaħħaħ it-Tribunal Industrijali.
Bugeja qal ukoll li persuni li jagħlqu 61 sena u jagħżlu li jibqgħu jaħdmu jingħataw benefiċċju addizzjonali ta’ €500 fis-sena.
Huwa semma wkoll il-proposta dwar l-Individual Learning Accounts, fejn il-Gvern jikkontribwixxi €500 fis-sena għal kull tifel u tifla għal għaxar snin sabiex dawn il-fondi jintużaw għal taħriġ, korsijiet edukattivi u inizjattivi ta’ upskilling.
Il-kandidat Laburista rrefera wkoll għall-proposta ta’ study leave għal ħaddiema full-time fis-settur privat, imħallas mill-Gvern.
Bugeja qal ukoll li Gvern Laburista jaħdem mal-korpi kostitwiti sabiex jinħoloq grupp ta’ trainers disponibbli biex jagħtu taħriġ lil ħaddiema f’negozji differenti.
Min-naħa tagħha, il-kandidata Laburista Lisa Cassar Shaw qalet li l-ħidma favur il-ħarsien tal-ħaddiema tissaħħaħ permezz ta’ strateġija nazzjonali ġdida dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Hija sostniet li l-liġi tax-xogħol tiġi aġġornata sabiex jitħarsu d-drittijiet ta’ persuni li jaħdmu b’mod remot jew b’arranġamenti moderni oħra.
Cassar Shaw qalet li l-emendi għandhom jiżguraw li dawn il-ħaddiema ma jiġux diskriminati jew imċaħħda minn taħriġ jew promozzjonijiet minħabba l-arranġamenti tax-xogħol tagħhom.
Il-kandidata Laburista enfasizzat ukoll il-bżonn ta’ aktar sostenn psikoloġiku fuq il-post tax-xogħol.
Hija qalet li l-mandat tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol jissaħħaħ biex jiġu introdotti miżuri kontra l-istress fuq il-post tax-xogħol u kontra riskji psikosoċjali.
Fost il-miżuri msemmija hemm interventi bikrija u għajnuna għar-ritorn għax-xogħol għal persuni li jkunu għaddew minn diffikultajiet ta’ saħħa mentali, filwaqt li ħaddiema rikoverati għal kura relatata mas-saħħa mentali jingħataw sa sentejn kontribuzzjonijiet akkreditati.