ADPD jilqgħu sensiela ta' proposti ppreżentati minn studenti msieħba fil-programm Eko-Skola

Fi stqarrija maħruġa llum, ADPD sostna li s-sensiela ta' proposti li ġew ippreżentati mill-istudenti għal Malta aktar sostenibbli u inklużiva joffru viżjoni vera għal Malta u ġew inklużi fil-manifest elettorali

Ritratt: File photo.
Ritratt: File photo.

Ir-rappreżentanti tal-Alternattiva Demokratika-Partit Demokratiku (ADPD) iltaqgħu ma' grupp ta' studenti mill-programm Eko-Skola li ppreżentaw memorandum lill-partiti politiċi bi proposti dwar il-futur ta’ Malta.

L-istudenti appellaw għal Malta aktar sostenibbli, sigura u inklużiva, b’aktar spazji miftuħa, toroq aktar siguri, u investiment fit-trasport sostenibbli. Huma enfasizzaw ukoll il-ħtieġa għal aċċessibilità akbar għal persuni b’diżabilità, protezzjoni aktar b’saħħitha kontra l-bullying, u investiment responsabbli fit-teknoloġija u l-intelliġenza artifiċjali.

Id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-ADPD u kandidat fit-2 u t-8 distretti, Mario Mallia faħħar l-inizjattiva tal-istudenti li minkejja l-isfidi kollha li qegħdin jiffaċċjaw irnexxielhom jaħdmu fuq proġetti sabiex ipoġġu l-proposti tagħhom stess fil-prattika.

L-Uffiċċjal tar-Relazzjonijiet Pubbliċi (PRO) tal-ADPD u kandidat fit-3 u r-4 distretti, Brian Decelis, faħħar lill-istudenti mhux biss talli ddettaljaw il-proposti tagħhom iżda żguraw li ġew indikati skedi ta’ żmien xierqa sabiex dawn jiġu implimentati b’mod effettiv.

Il-kelliema tal-ADPD qalu li kienu kuntenti li jinnotaw li l-proposti mressqa mill-istudenti kienu qegħdin jiġu riflessi wkoll fil-manifest li ġie ppreżentat mill-partit għall-elezzjoni ġenerali li jmiss

Iż-żewġ kelliema ħeġġew lill-istudenti sabiex jibqgħu attivi u impenjati lejn ideali bħal dawn filwaqt li appellaw sabiex tinżamm sostenibbiltà vera li tista' tkun attwata jekk il-ġenerazzjonijiet futuri jibdew jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom stess.

More in Elezzjoni 2026