Atleti elite mhux se jibqgħu jużaw leave personali biex jirrappreżentaw lil Malta

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar pakkett ta’ miżuri ffukati fuq il-benesseri, inkluż aktar leave sportiv u inizjattivi ġodda għat-tfal u l-familji.

Atleti elite li jirrappreżentaw lil Malta barra minn pajjiżna mhux se jibqgħu obbligati jużaw il-leave personali tagħhom biex jikkompetu, skont proposta mħabbra mill-Prim Ministru Robert Abela waqt attività politika tal-Partit Laburista f’Santa Venera.

Skont din il-miżura, il-leave sportiv għal atleti li jaħdmu fis-settur privat u li jagħmlu parti minn timijiet nazzjonali se jiżdied għal 10 ijiem meta jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet organizzati minn federazzjonijiet Ewropej jew dinjija. Il-miżura se tapplika wkoll għall-membri tat-timijiet tekniċi u mediċi li jakkumpanjaw lill-atleti, bil-leave jiġi ffinanzjat mill-gvern.

Din l-inizjattiva tifforma parti minn pakkett usa’ ta’ miżuri mmirati biex itejbu l-kwalità tal-ħajja. Robert Abela qal li l-benesseri jfisser li wieħed ikollu l-ħin jagħmel affarijiet li jagħtu valur lill-ħajja, u enfasizza l-importanza tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali.

Fost il-proposti l-oħra hemm l-introduzzjoni ta’ programm ta’ screening tal-BMI fl-iskejjel biex jiġi indirizzat il-piż żejjed fost it-tfal. Dan il-programm għandu jidentifika kmieni tfal li jinsabu f’riskju u jirreferihom għand dietista, li taħdem mal-ġenituri biex jinħoloq pjan ta’ dieta u attività fiżika.

Il-gvern qed jipproponi wkoll żieda fir-rifużjoni tat-taxxa għal ġenituri li jħallsu għal attivitajiet extra-kurrikulari għat-tfal tagħhom. Ir-rifużjoni se tiżdied b’€100 u tilħaq €400 fis-sena, u se tkopri attivitajiet sportivi, artistiċi u kulturali.

Din l-iskema se tiġi estiża wkoll biex tinkludi tfal li jattendu akkademji tal-futbol u attivitajiet oħra bħal taħriġ ibridu.

Robert Abela semma wkoll il-wegħda tal-Partit Laburista li jintroduċi “wellbeing index”, li qal se jservi biex jitkejjel il-livell ta’ kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin.

Huwa żied li aktar kmieni matul il-ġurnata, il-partit kien ħabbar miżuri oħra mmirati biex isaħħu s-sitwazzjoni finanzjarja tal-familji, u enfasizza li għalkemm il-flus mhumiex l-uniku fattur tal-benesseri, jibqgħu element importanti.

Il-Prim Ministru rrefera wkoll għal miżuri implimentati tul il-leġiżlatura, fosthom tnaqqis fit-taxxi, li qal li għenu biex jitjiebu l-livelli tal-għajxien tal-familji.

More in Elezzjoni 2026