Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ippreżenta affidavit ġuramentat fejn ċaħad kategorikament li qatt iltaqa’ ma’ kuntrabandist jew ma’ persuni involuti f’attività kriminali b’rabta mal-proposta tal-PN għal offshore fuel hub.
L-affidavit ġie ppreżentat bħala risposta għall-allegazzjonijiet magħmula mill-Prim Ministru Robert Abela, li sostna li l-proposta tal-PN għal maritime fuel hub f’Hurd’s Bank kienet ġiet ippreżentata lill-partit minn kuntrabandist tal-fuel.
Abela kien qal ukoll li l-istess persuna, li ma semmiex isimha, kienet iltaqgħet miegħu iżda l-proposta kienet ġiet miċħuda.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn il-PN nieda l-proposti tiegħu dwar ir-riforma fit-taxxa, Borg qal li l-allegazzjonijiet kienu intiżi biex jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni tiegħu u tal-pajjiż.
“Niċħad kategorikament dawn l-allegazzjonijiet frivoli u infondati magħmula mill-Prim Ministru fil-konfront tiegħi,” jgħid l-affidavit.
“Mhux se nħalli lil ħadd jagħmel ħsara lir-reputazzjoni tiegħi,” żied jgħid.
Id-dikjarazzjoni ġuramentata saret quddiem nutar u tqassmet lill-ġurnalisti waqt il-konferenza.
Alex Borg sfida wkoll lill-Prim Ministru biex jgħaddi lill-pulizija kwalunkwe informazzjoni li għandu dwar il-każ, filwaqt li qal li huwa “tal-mistħija” li Robert Abela ammetta li ltaqa’ ma’ allegat kuntrabandist iżda ma ħa l-ebda azzjoni.