Borg iwiegħed tnaqqis fit-taxxi u eżenzjonijiet ġodda fuq wirt, overtime u donazzjonijiet

Alex Borg jipproponi tnaqqis fit-taxxi, eżenzjonijiet fuq overtime u wirt, kif ukoll Skills Wallet ta’ €1,000 għal kull ċittadin

Ritratt: PN
Ritratt: PN

 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ħabbar sitt miżuri ġodda bħala parti minn riforma komprensiva fis-sistema tat-taxxa personali, li skontu għandha tagħmel is-sistema aktar ġusta u moderna.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Borg qal li l-proposti għandhom l-għan li jnaqqsu t-taxxi għall-ħaddiema, self-employed, pensjonanti u familji.

L-ewwel proposta tikkonsisti f’riforma fit-tax bands sabiex jitnaqqsu t-taxxi għal persuni waħedhom, koppji miżżewġin, familji u ġenituri.

Il-PN qed jipproponi wkoll li l-COLA ma tibqax tiġi ntaxxata, billi kull tax band tiżdied kull sena bl-istess ammont tal-COLA.

Fost il-miżuri mħabbra kien hemm ukoll eżenzjoni mit-taxxa fuq l-ewwel €10,000 ta’ dħul minn xogħol part-time jew overtime.

Alex Borg ħabbar ukoll inċentivi għal familji li jospitaw studenti barranin, fejn id-dħul minn dan ix-xogħol ikun kompletament ħieles mit-taxxa.

Barra minn hekk, jekk wieħed mill-ġenituri jieqaf jaħdem biex jieħu ħsieb id-dar u l-istudenti, jingħata krediti tal-Assigurazzjoni Nazzjonali għal sa massimu ta’ tliet snin.

Miżura oħra proposta hija Skills Wallet ta’ €1,000 għal kull ċittadin Malti minn 18-il sena ’l fuq, li jingħata kull tliet snin sal-età tal-irtirar biex jintuża għal taħriġ u korsijiet relatati max-xogħol.

Il-PN ħabbar ukoll riforma fuq il-bolla tal-wirt u t-taxxa fuq id-donazzjonijiet.

Skont il-proposta, kull trasferiment ta’ proprjetà immobbli b’titlu ta’ wirt ma jibqax suġġett għall-ħlas tal-bolla, mingħajr limitu fuq il-valur tal-proprjetà.

Il-partit qed jipproponi wkoll li jitneħħew it-taxxa u l-bolla fuq trasferiment ta’ negozji tal-familja li jgħaddu b’wirt, kemm jekk dawn jinvolvu ishma f’kumpaniji jew proprjetà kummerċjali.

Miżura oħra tinkludi t-tneħħija tat-taxxa u l-bolla fuq trasferimenti ta’ proprjetà immobbli minn ġenituri għal uliedhom jew neputijiet permezz ta’ donazzjoni. Skont il-PN, din l-eżenzjoni għandha tapplika għal kull tip ta’ proprjetà immobbli.

Il-partit ippubblika kalkulatur onlajn  li jaħdem l-iffrankar tat-taxxa propost.

More in Elezzjoni 2026