L-ADPD tiftaħ kawża kostituzzjonali biex tiġġieled 'leġiżlazzjoni diskriminatorja' fil-konfront tagħha

'Is-sistema elettorali Maltija mhix isservi l-interessi tal-pajjiż imma biss tal-PLPN'  - ADPD

“F’demokrazija b’saħħita, kull vot jgħodd u l-ebda vot ma jiswa iktar minn vot ieħor. Sfortunatament dan mhux il-kaz f’Malta! Niddefendu l-valur ta’ kull vot.” Hekk qal, Carmel Cacopardo Chairperson ta’ ADPD - The Green Party quddiem il-Qorti fil-Belt Valletta. Flimkien mas-Segretarju Ġenerali tal-partit Ralph Cassar, Cacopardo ippreżenta kawża kostituzzjonali dwar ir-riżultat elettorali li ġie ppubblikat f’dawn il-ġranet.

B'din il-kawża, l-ADPD qed titlob lill-Qorti li issib li hemm ksur ta’ diversi drittijiet, imħarsa kemm mill-kostituzzjoni ta’ Malta, kif ukoll mill-Konvenzjoni Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem u dik dwar id-dritt ta' elezzjoni ħielsa. 

“Il-partit ilu żmien jilmenta li l-leġiżlazzjoni elettorali hi diskriminatorja fil-konfront tiegħu u dan minħabba li tagħti piż u valur lill-voti mitfugħa favur iż-żewġ partiti li qegħdin fil-Parlament imma tiskarta kompletament il-voti li jkunu mitfugħa favur partiti oħra. Dan hu riżultat ta’ żewġ miżuri speċifiċi: waħda dwar il-proporzjonalità u l-oħra dwar il-bilanċ tal-ġeneru. It-tnejn jiffavorixxu lill-PLPN u huma diskriminatorji fil-konfront tagħna, it-tielet partit, u kontra oħrajn. Id-diskriminazzjoni li qed niffaċċjaw hi parti integrali mil-liġi elettorali," kompla jgħid Cacopardo. 

L-ADPD tgħid li t-Tnejn 28 ta’ Marzu 2022 kien imħabbar li r-riżultat elettorali kien irranġat billi mal-lista tal-membri parlamentari eletti żdiedu tnejn oħra mil-lista elettorali ippreżentata mill-PN. Din iż-żieda saret biex ikun hemm aġġustament għall-proporzjonalità bejn il-voti miksuba mill-partiti Parlamentari fl-ewwel għadd tal-voti u s-siġġijiet parlamentari miksuba.

"Meta sar dan ġew injorati l-voti miksuba mill-partit ADPD fl-ewwel għadd tal-voti, li jammonta għal 4747, ammont li hu ikbar mill-kwota nazzjonali. Din id-diskriminazzjoni tiżvaluta l-proċess demokratiku u dan billi l-voti tal-Partit Laburista u tal-Partit Nazzjonalista qed jingħataw valur billi jiġu kkunsidrati filwaqt li l-voti ta’ ADPD qed jiġu skartati kompletament," stqarr Cacopardo. 

B’żieda ma dan Cacopardo qal li l-proċess elettorali hu mistenni li jkompli fil-ġranet li ġejjin u dan billi l-emendi kostituzzjonali tas-sena l-oħra jipprevedu li, wara li jkun konkluż il-proċess ta’ by-elections assoċjati mal-elezzjoni ġenerali, l-Kummissjoni Elettorali talloka mhux iktar minn tnax-il siġġu parlamentari addizzjonali, sitta lil kull naħa biex jonqos l-iżbilanċ tal-ġeneru fil-Parlament.

Iċ-chaiperson tal-ADPD jgħid li dan se jkompli jżid il-problema ta’ rappreżentanza parlamentari billi se jżid ir-rappreżentanza tal-partiti parlamentari u "jkompli jinjora l-bqija. Il-prinċipju tal-proporzjonalità li diġa huwa applikat b’mod dgħajef se jkompli jitnawwar bħala riżultat ta’ dan."

"Qegħdin nistennew rimedju kontra d-diskriminazzjoni li seħħet diġa meta l-Partit Nazzjonalista ngħata siġġijiet Parlamentari u aħna b’mod diskriminatorju ma ngħatajniex, kif ukoll protezzjoni mid-diskriminazzjoni addizzjonali li se sseħħ fil-ġranet li ġejjin meta jidħol fis-seħħ il-mekkaniżmu korrettorju dwar il-bilanċ tal-ġeneru. Is-sistema elettorali Maltija mhix isservi l-interessi tal-pajjiż imma biss tal-PLPN li kkapparraw ukoll l-istituzzjonijiet. Il-vot ta’ kulħadd għandu valur u jeħtieġ li jkun rispettat, mhux biss dawk tal-PLPN. Inħarsu l-voti kollha," temmet tgħid l-ADPD.

More in Elezzjoni 2022