It-trasport tal-massa: 'Wieħed nefaq €700 miljun u bqajna fit-traffiku u l-oħrajn wikkewna bl-Arriva’
Voċifera fuq kwistjonijiet tan-nisa, bla kantunieri, xebbawha il-PL u l-PN u issa kandidata mal-ADPD. Il-gazzetta ILLUM tintervista lil Sandra Gauci
minn Marianna Calleja
Għalliema iżda famuża l-iktar għall-filmati tagħha ta’ kull ġimgħa bl-isem ta’ ABŻ News, il-kandidata ġdida tal-ADPD, Sandra Gauci lesta biex tidħol il-Parlament f’isem “it-tielet Partit.” Hija qalet mal-ILLUM kif il-partiti hekk meqjusa “kbar” ilhom jirreċtaw reċta bejniethom, li qed tħallihom bil-flus fil-but u għalhekk qed ibeżżgħu lin-nies illi vot lill-partiti ż-żgħar “huwa vot moħli.”
Filwaqt li ċċarat li l-cross voting ma jeħli ebda vot, hija stqarret li wasal iż-żmien li xi ħadd jidħol fil-Parlament u “joqgħodilhom għassa.” Hawn fejn Gauci tappella lill-poplu biex jivvota lilha u lill-partit tagħha.
“Ejja nġegħluhom isallu u tellgħu lili, ħalli nkun dak il-fattur li jdejjaqhom, għax ma nibżax u jekk ikolli ngħid xi ħaġa, naqbad u ngħidha,” qalet Sandra Gauci mal-ILLUM.
L-ILLUM pero’ staqsiet lil Gauci dwar diversi temi kontroversjali oħra, bħal l-abort, l-għoli tal-ħajja u anke dwar dak li bosta qed isejħu bħala “l-bżar fl-għajnejn” fejn jidħol l-ambjent u ż-żewġ partiti l-kbar.
Gauci ma taqbilx mal-mina, tgħid li ‘mil-lat ambjentali se tkun diżastruża’
L-ADPD huma l-iktar sinonimi mal-ambjent u bla dubju li din hija l-aktar kwistjoni li fuqha l-partit hekk imsejjaħ “tal-Ħodor” huwa b’saħħtu. Huwa għalekk li kien mistenni li Gauci twieġeb mal-ewwel ‘le’ meta mistoqsija mill-gazzetta dwar il-mina bejn Malta u Għawdex.
Hija sostniet mal-ILLUM li l-gżira ta’ Għawdex għandha tibqa’ kif inhi u li l-mina nnifisha mil-lat ambjentali “se tkun xi ħaġa sempliċiment diżastruża.” Hija qalet ukoll li f’dan l-istadju, aħjar ninfurzaw il-konnetività bejn il-gżejjer permezz tal-vapuri stess, anke jekk hemm bżonn jiżdiedu aktar vapuri.
Qalet li proġett bħal mina se jkun biss “flejjes li ma nafux fejn sejrin” apparti li frankament ma nafdax lil min lanqas hu kapaċi jirranġa ħofra fit-triq u issa jrid jagħmel mina taħt il-baħar.”
Mistoqsija mill-ILLUM jekk taqbilx mal-idea li Għawdex innifsu jsir sostenibbli u kompetittiv waħdu, hija tgħid li fuq il-karta l-idea tidher sabiħa iżda tisħaqq li xorta jrid iseħħ studju qabel ma tittieħed deċiżjoni. Fost l-impjiegi li Gauci tħossha xettika li jirnexxu f’sistema fejn il-gżira oħt tkun aktar ekonomikament awtonoma, hija semmiet lill-għalliema u lill-infermiera, għax tibża li mhux kull Għawdxi li jiggradwa f’dawn is-setturi se jkun kapaċi jsib xogħol f’Għawdex.
Intant hija tgħid li taqbel mal-kunċetti kemm ta’ telework u anke ta’ remote-working, fejn l-Għawdxin ma jkollhomx għalfejn jinżlu Malta biex jaħdmu jekk il-kumpanija ma toperax f’Għawdex. Hija tgħid li l-pandemija sforzat lill-pajjiż biex jitgħallem ħafna f’dan ir-rigward u qalet ukoll li jkun ħasra jekk jintesà kull ma tgħallimna s’issa.
‘Mill-Ajruport għal Buġibba tagħmel is-seba’ visti. Min għamilhom dawn ir-rotot?’
L-ILLUM staqsiet lil Sandra Gauci dwar it-trasport pubbliku. Tajjeb ngħidu li Gauci ma ssuqx u tmur kullimkien b’tal-linja. Hija xi ħaġa li hija pubblikament titkellem dwarha, speċjalment meta issib ruħa f’xi “rotta redikola.”
Waqt li kienet qed tispjega li l-problema bit-trasport qatt ma kienet il-flus iżda l-effiċjenza, hija irrakontat kif riċentament rikbet fuq l-X3 biex mill-ajruport tmur f’Buġibba. Dan il-vjaġġ kompla jikkonferma għal Gauci li tal-linja nieqsa ħafna mill-effiċjenza.
“Għalfejn għandi nagħmel is-seba’ visti jekk jien irrid inmur Buġibba? Min jagħmilhom dawn ir-rotot? Żgur kien xi ħadd li qatt ma’ tela’ tal-linja. Aħna ma nirkbux tal-linja għall-gost,” qalet Gauci.
Sostniet li la s-servizz tat-trasport pubbliku hu dak li hu, “ovvja li n-nies jagħżlu karozza.” Fl-istess waqt, skont hi, l-karozzi u t-traffiku f’Malta qed joħolqu ħafna stress. “Qed ikollna n-nies diġà qed jaslu x-xogħol għajjenin u irrabjati. Ma tistax tmur ix-xogħol diġà rrabjat jew taħsiblu minn sagħtejn qabel biex żgur tasal. Għalfejn trid taħsiblu qabel jekk id-distanzi huma ċuċata?” kompliet Gauci.
Hija qalet mal-ILLUM li dan kollu beda’ mill-mument li daħlu l-Arriva f’Malta, għax fi kliemha r-rotot l-antiki kienu tajbin. Qalet ukoll li l-ADPD qed jagħfas kemm għal aktar rotot kif ukoll għal aktar karozzi kull siegħa, speċjalment għal postijiet l-iktar frekwentati bħall-isptar Mater Dei u l-Belt Valletta.
‘It-tnejn ma nafdahomx’
Mistoqsija mill-ILLUM jekk taqbilx mal-metro jew mat-tramm bħala trasport alternattiv, fil-pront wieġbet “it-tnejn ma nafdahomx.”
“Jaħasra nefaq €700 miljun fuq it-toroq u xorta bqajna fi traffiku u diżastru, dan se nafdah jagħmel il-metro taħt l-art? Jekk il-Partit Nazzjonalista jagħmel it-tramm, dan l-istess partit, iva orrajt forsi nies differenti, imma dawn l-istess partit li wikkewna bl-Arriva!”
Il-kandidata tal-Ħodor qalet li l-problema taż-żewġ partiti hi li mhumiex iħossu l-polz tan-nies. Hija qalet li min wiegħed dawn il-proposti qiegħed juri biċ-ċar illi qed isuq fil-karozza tiegħu u ma jagħrafx x’inhuma r-realtajiet tan-nies.
“In-nies riedu li wara €700 miljun moħlija fuq infrastruttura, min ikollu rota jista’ jużaha mingħajr ma jittajjar u li persuna bis-siġġu tar-roti juża’ l-bankina. Għal dawn in-nies qatt ma naħsbu?”
Gauci għandna teorija li dawn il-proposti se jispiċċaw fuq xkaffa minsija għal kuntrarju tal-Marina f’Wied il-Għajn. Il-gazzetta ILLUM staqsitha għaliex taħseb hekk u Gauci dlonk wieġbet, “tinsiex li aħna qed nitkellmu mal-avukati. Avukat juża’ kliem bħal “shelved” bl-ingliż jew “twarrab” bil-Malti. Dan minflok “scrapped” fil-każ Ingliż jew “twaqqaf” bil-Malti.”
Fuq dan hi temmet għid li għalkemm titlob li “l-bambin jilluminahom imma hemm wisq x’jintilef. Indunaw li se jitilfu ħafna voti fid-distretti li huma tradizzjonalment Laburisti u qalu ejja nħalluhom kwieti għalissa.”
Għal Gauci, ‘l-abort huwa kura’ u l-prostituzzjoni ‘mhux ħażin għall-aħħar’
L-ADPD huwa wieħed minn żewġ partiti li huma favur l-għażla, huma flimkien mal-partit Volt Malta niżlu l-abort fil-manifest elettorali, fejn jgħidu li l-abort għandu jkun dekriminilizat.
Fid-dawl ta’ dan Gauci temmen li l-mentalità ta’ “le għal-abort akkost ta’ kollox,” ġejja min-nuqqas kbir u serju ta’ informazzjoni influwenzata wkoll mill-kultura reliġjuża tal-pajjiż.
Irrakkontat kif fi żmien li hi kienet studenta, l-għalliema kienu jgħallmu biss dwar l-abort waqt il-lezzjoni tar-reliġjon. Dan filwaqt li qalet illi għalkemm dan iż-żmien jiġi mgħallem fil-PSED, “l-għalliema tgħallem skont il-perċezzjoni tagħha fuq is-suġġett waqt li ssib min ikun maħkum mill-biża’ li qed jgħallem suġġett illegali.”
Kompliet tgħid li minkejja li għadu saħansitra jintwera’ l-film ‘The Silent Scream’ fl-iskejjel, l-abort mhux kif jaħsbu n-nies. “L-idea tal-abort mhix ċara, jgħidulek l-abort qtil għax tqattigħ u tbiċċir imma mis-70ijiet ‘l hawn l-affarijiet inbiddlu. Dan mhux kapriċċ tal-mara. Ħadd ma jqum filgħodu u jiddeċiedi jagħmel abort b’kapriċċ” qalet Gauci mal-ILLUM.
Tenniet li l-abort huwa trawma, kemm fiżika u anke psikoloġika, pero’ tinsisti li ma nistgħux ninjoraw lin-nies li jagħmlu l-abort.
“X’jiġifieri hemm nisa li jkorru, u għax il-fetu ma ġiex ‘expelled’ waħdu, it-tobba ma jistgħux imissuha, għax jiġi abort skont il-liġi? Allura l-mara qegħda hemm tirriskja Sepsis għax il-liġi Maltija mhux tipproteġiha, qed tipproteġi fetu mejjet, għax jekk inti korrejt, il-fetu miet. Allura fetu mejjet aqwa minn mara?”
Għall-ADPD, meta tkun tqala mhux vijabbli, tqala frott ta’ stupru jew frott ta’ inċest, l-abort għandu jkun legalizzat għax Gauci tgħid illi ma jemmnux fit-tiketti ta’ “qaħba għax ftaħt saqajk” malli mara turi li għandha l-bżonn ta’ abort.
Prostituzzjoni: ‘Jekk mhux tiġi imposta fuqha, għalija mhux problema’
Induru fuq il-prostituzzjoni. Il-kandidata tal-ADPD qalet li jekk mara ta’ eta’ legali tagħżel li tkun prostituta minn jeddha, m’għandhiex problema biha, iżda l-mument li xi ħadd jisforzaha hemmekk ikollha problema.
Fl-opinjoni tagħha, il-pimp għandu jkun illegali iżda x-xogħol għandu jibqa’ legali jekk hemm persuni interessati jkunu fih. Dan filwaqt li prostituti li jagħżlu jagħmlu dan ix-xogħol, jinatgħu post sigur fejn jiġu ttestjati regolarment għall-mard sesswali.
“Ġieli kellmuni nies b’diżabilità u jgħiduli li n-nisa jittratawhom qishom pupi u li huma wkoll għandhom in-neċċesitajiet sesswali tagħhom. Domanda għas-sex workers hawn. Issa jekk il-fornitura tkun regolarizzata, l-prostituta tħallas it-taxxa, tieħu ħsieb saħħitha, naħseb iva mhux xi ħaġa daqshekk ta’ skandlu.”
Il-gazzetta ILLUM tistaqsi: ‘U l-femiċidju? Ivvintaw il-kunċett in-nisa biex iħossuhom speċjali?’
Inkwetata, imma fl-istess ħin kemmxejn irrabjata, Gauci meta mistoqsija dwar il-kunċett ta’ femiċidju wieġbet lill-gazzetta ILLUM, “qed joqtlu mara fix-xahar ta! Inqatlet mara f’Jannar u oħra fi Frar, min imissu f’Marzu?”
Filwaqt li tirrikonoxxi li jeżistu irġiel li huma abbużati min-nisa ma taqbilx ma rġiel li jipprovaw jisirqu n-narrativa meta jgħidu “mhux l-irġiel kollha l-istess,” għax skont hi bħalissa n-nisa qed imutu mill-irġiel, mhux bil-kontra.
“Nofs il-popolazzjoni nisa. Min qiegħed fix-xifer tal-irdum bħalissa? Dik li tmur ix-xogħol b’għajna mbenġla u tgħid lil kollegi li baqgħet dieħla ġo bieb? Dik li qegħda imbeżża d-dar għax ir-raġel tagħha qed jagħtiha b’kull ħaġa li jsib f’idejh? Min? Min imissu?” tistaqsi Gauci.
Insistiet li l-problema hi kbira speċjalment għal pajjiż daqshekk żgħir u l-biżà tagħha hi li “niġu biex nitkellmu xahar ieħor u tkun inqatlet mara oħra.”
Il-gazzetta ILLUM għalhekk staqsietha: “Taqbel li l-femiċidju issa ġie rrikonoxut mill-Kodiċi Kriminali?”
Hija tgħid li kien pass tajjeb imma ma jridx ikun biss kożmetiku. Tibżà li kienet biss opportunità oħra sabiex jinġabru iktar voti għax meta titkellem man-nies xorta ma jħossuhomx siguri.
“Issa imbilli għamilna liġi? Tmur tirraporta u ma jagħti kasek ħadd. Mur staqsi lin-nisa li jgħaddu minnha. X’tasal tagħmel iktar jekk min suppost jgħinek qed idawwar dahru?” qalet mal-ILLUM.
Gauci hawn ġibdet l-attenzjoni li Rita Ellul, l-aħħar vittma ta’ vjolenza domestika, “kienet għadha tinżel u titla l-Qorti għax kellha każijiet ta’ vjolenza domestika mal-bniedem li issa qatilha.”