Edward Zammit Lewis, Carmelo Abela, Alex Muscat, Chris Agius u Deo Debattista jitħallew bla portafoll

Edward Zammit Lewis, Carmelo Abela, Alex Muscat, Deo Debattista u Chris Agius - li kienu fl-aħħar Kabinett - se jmorru għal fuq il-backbench

Edward Zammit Lewis, Carmelo Abela, Chris Agius, Alex Muscat u anke Deo Debattista tħallew l-art fl-għażla tal-membri tal-Kabinett. Zammit Lewis - minkejja li kien elett fit-Tmien Distrett fejn kiseb 2,430 vot - madwar 400 vot inqas minn Clyde Caruana li se jkun qed jinħatar Ministru tal-Finanzi, tħalla l-art. 

Zammit Lewis, għalkemm mexxa numru ta' riformi importanti fis-sentejn li għaddew fosthom dwar il-ħatra tal-ġudikatura, il-ħatra ta' numru ta' karigi Kostituzzjonali - fosthom il-ħatra tal-President tar-Repubblika u anke riformi marbutin mal-governanza - spiċċa f'nofs kontroversja minħabba chats ma' Yorgen Fenech. Dawn ic-chats xi ftit jew wisq imbarazzanti għal Zammit Lewis kixfu kif wara li ma telax fl-elezzjoni tal-2017 Zammit Lewis kien qal lil Yorgen Fenech illi għall-"ġaħan Laburist" il-pożi jgħoddu mhux l-esperjenza. 

Tħalla barra wkoll Carmelo Abela li fl-aħħar sentejn kien taħt dellijiet serji - għalkemm sa issa qatt isostanzjati - li kien imdaħħal fis-serqa tal-HSBC f'Ħal Qormi fl-2010. Dwar dan għadhom għaddejjin inkjesti, għalkemm Abela dejjem ċaħad kwalunkwe akkużi ta' dan it-tip. 

Tħallew barra wkoll Deo Debattista li kien fil-Kabinett sa qabel l-elezzjoni u Alex Muscat li kien responsabbli, fost oħrajn għall-programm ta' ċittadinanza, kif ukoll Chris Agius. 

Intant ara hawnhekk min huma l-Ministri u l-portafolli kollha tagħhom.

More in Elezzjoni 2022