Aquilina bi twissija lil-Labour: 'Min jaħseb li ser inbaxxu rasna quddiem bullying sejjer żbaljat bil-kbir'

Robert Aquilina jalludi għal pjan premeditat u 'perikoluż' biex tiddaħħal l-idea li min jiġġieled għas-sewwa itellef mill-popolarità u huwa l-għadu, għalkemm ma għamilx referenzi speċifiċi għal min kien qed jirreferi

Ftit iktar minn 48 siegħa wara rebħa kbira Laburista il-President tal-Għaqda Repubblika għamilha ċara lill-Partit Laburista u dawk li sejjaħ "kollaboraturi tiegħu għall-interessi egositiċi u oskuri tagħhom" li la hu u lanqas Repubblika ma huma se jaċċettaw xi forma ta' bullying. Huwa appella biex dawk li kienu wara Repubblika jibqgħu magħqudin.

Aquilina sostna li hemm pjan premeditat biex "tinqatel il-komunità li nħolqot wara l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia" - f'referenza għal Repubblika  - u tiddaħħal l-idea li "min jiġġieled għas-sewwa jagħmel il-ħsara, li min jiġġieled għas-sewwa itellef mill-popolarita’, li min jiġġieled għas-sewwa destinat li jitlef, li min jiġġieled għas-sewwa għandu jkun stmat tal-għadu."

Huwa sostna li l-isforzi tal-Partit Laburista biex jaħkem lill-pajjiż kollu kemm hu jista' jfalli u għalhekk saħaq fil-messaġġ twil li kiteb fuq Facebook li Repubblika tinsab determinata li "nibqgħu nimbuttaw biex min seraq u inganna lill-poplu Malti u Għawdxi jieħu li ħaqqu skond il-liġi."

"Nappella lil kull min s’issa mexa magħna f’din it-triq ta’ fejda għal pajjiżna, biex iżomm sod fit-twemmin u l-prinċipji tiegħu. Issa hu vitali aktar minn qatt qabel li nibqgħu magħquda u determinati," temm jgħid Robert Aquilina.

Dan il-messaġġ jiġi jiem wara li Jason Azzopardi u ħu Robert Aquilina - Karol Aquilina - ma kinux eletti fil-Parlament u fl-istess jum illi fih huma ġabbru li se jikkontestaw l-elezzjoni każwali għad-diżapprovazzjoni wkoll ta' ċerti votanti Nazzjonalisti. 

More in Elezzjoni 2022