Jason Azzopardi u Karol Aquilina se jikkontestaw elezzjoni każwali biex xorta jidħlu fil-Parlament

Dawn iż-żewġ Deputati voċiferi kontra l-Labour imma anke kontra Adrian Delia se jitfgħu isimhom fl-elezzjoni każwali

L-eks Deputat Jason Azzopardi u anke Karol Aquilina se jkunu qed jikkontestaw l-elezzjoni każwali sabiex b'hekk jitilgħu fil-Parlament minflok Deputati li jkunu ċedew posthom minħabba li jkunu telgħu minn żewġ distretti. Kemm Azzopardi, kif ukoll Aquilina - li kienu fost l-aktar deputati voċiferi kontra l-Labour imma anke kontra l-eks Kap tal-PN Adrian Delia, kif ukoll li huma qrib ħafna l-għaqda Repubblika - ma ġew eletti mill-ebda distrett. Azzopardi ħareġ fuq ir-Raba' u d-Disa' Distrett u Aquilina fuq id-Disa' u l-10 Distrett. Minflok fir-Raba' Distrett tela' Mark Anthony Sammut u fid-Disa' distrett kaxkar il-voti tan-Nazzjonalisti Joe Giglio. 

Azzopardi qal fuq Facebook li hu ser jikkontesta din l-elezzjoni u għalkemm sostna li ma tantx hemm probabbilità li jitla' "b'rispett lejn il-votanti tad-Disa' Distrett se nitfa' ismi, anke jekk jien realistiku ħafna u naf li ftit hemm ċans għalija."

Intant anke Karol Aquilina ħabbar li hu se jkun qed jikkontesta din l-elezzjoni każwali u saħaq li lill-votanti kollha tad-9 u l-10 distrett "nassigurahom li fil-jiem li ġejjin se nkun qed nieħu kull pass li jeħtieġ nieħu biex l-voti tagħhom jissarfu bil-mod kif xtaqu huma."

Skont l-Istatut tal-Partit Nazzjonalista Kandidat iwaqqa' dejjem id-distrett li fih kiseb l-inqas numru ta' voti.

More in Elezzjoni 2022