L-14-il Prim Ministru u l-Ħames PM Laburista mill-Indipendenza jitla' t-taraġ ta' Kastilja
Robert Abela huwa l-14-il Prim Ministru mill-Indipendenza u l-ħames Prim Ministru Laburista
minn Albert Gauci Cunningham
Robert Abela huwa l-14-il Prim Ministru ta' Malta - kariga illi dalgħodu inħatar fiha mil-President tar-Repubblika George Vella, wara rebħa storika lbieraħ. Abela huwa wkoll il-ħames Prim Ministru Laburista mill-Indipendenza li rebaħ elezzjoni għal dan l-istess partit kif ukoll id-disa' Prim Ministru mill-Indipendenza lil hawn. Kien Dom Mintoff l-ewwel Prim Ministru Laburista li tela' t-taraġ ta' Kastilja fl-1971 wara li Malta saret indipendenti u baqa' fil-Gvern sal-1983, wara elezzjoni (1981) illi fiha l-Partit Laburista ġab il-maġġoranza tas-siġġijiet Parlamentari imma mhux il-maġġoranza tal-voti. Fl-1983 kien co-opted u maħtur Prim MInistru Karmenu Mifsud Bonnici li baqa' fil-Gvern sal-1987.
Wara disa' snin fl-Oppożizzjoni kien imiss lil Alfred Sant, li jkun it-tielet Prim Ministru Laburista, għalkemm dan dam fil-Gvern sentejn biss hekk kif kien tilef l-uniku siġġu maġġoranza li kellu fil-Parlament.
Il-Partit Laburista reġa' rritorna bi Prim Ministru f'Kastilja bil-kbir fl-2013 meta b'distakk sa dak iż-żmien rekord, ta' 35,107 voti, Joseph Muscat kien elett Prim Ministru. Huwa reġa' rebaħ l-elezzjoni tal-2017 b'distakk ta' 35,280 vot, għalkemm imbagħad kien irriżenja f'nofs kriżi politika mbuttata mill-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u implikazzjonijiet minn Yorgen Fenech - akkużat illi kien il-mandant ta' dan l-assassinju - illi implika lil Keith Schembri.
Fl-2020 kien elett Robert Abela Mexxej Laburista u sussegwentement sar Prim Ministru. Nhar is-26 ta' Marzu 2022 saret l-elezzjoni li tat l-akbar rebħa li qatt kiseb partit politiku f'pajjiżna mill-Indipendenza.
Abela kiseb dan ir-riżultat, minkejja pandemija u minkejja l-episodji tal-2019 u probabbilment din ir-rebħa tindika li l-poplu rrikonoxxa l-isfidi u ta l-approvazzjoni tiegħu għal mod kif Abela mexxa lil pajjiż f'waħda mill-eqqel kriżijiet li qatt rat id-dinja.
Robert Abela ġej minn familja marbuta mal-politika b'missieru George Abela jkun Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għal ħafna snin, sakemm irriżenja fl-1998 għax ma qabilx ma' Alfred Sant li l-Partit Laburista jmur għal elezzjoni bikrija. Sussegwentement huwa nħatar President tar-Repubblika mill-Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Lawrence Gonzi.