Meta kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar il-proċeduri fil-Qorti li beda l-PN permezz ta' Mandat ta' Inibizzjoni hekk kif qed isostni li priġunieri li ma kellhomx id-dritt jivvotaw tħallew jivvotaw, il-PM u Mexxej Laburista qal li hu għandu fiduċja sħiħa kemm fil-Kummissjoni Elettorali u anke fil-Qrati. Il-Kummissjoni Elettorali diġà sostniet li hi ma tistax twaqqaf persuni li jinsabu fir-reġistru elettorali milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw.
Abela - li kien ħiereġ mid-dibattitu bejn il-mexxejja li se jidher illejla - qal illi l-proċess elettorali huwa responsabilità tal-Kummissjoni Elettorali illi jfakkar illi fuqha hemm rappreżentanti tal-PN u anke tal-PL. "Jiena għandi fiduċja fil-Kummissjoni u għandi fiduċja wkoll fil-Qrati fejn issa se jinstema' l-każ. Aħna se nirrispettaw id-deċiżjoni tal-Qorti u nittama li l-Partit Nazzjonalista jagħmel l-istess."
Għal mistoqsijiet oħrajn huwa rrimarka wkoll li hemm rimedju fil-Liġi li permezz tiegħu nies li partit iħoss li mhumiex eliġibbli li jivvutaw, jitneħħew minn fuq il-Lista. "Jiena infurmat li l-PN ma użax dan ir-rimedju," temm jgħid il-PM Robert Abela.
Robert Abela dwar l-aħħar żviluppi li jitrattaw il-votazzjoni fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin