Aġġornata | Il-PN jitlef il-każ li fetaħ biex terġa ssir l-elezzjoni fil-Ħabs

Il-Profs Ian Refalo jakkuża lill-PN li pprova jwaqqaf il-proċess elettorali imma Paul Borg Olivier li qed jidher għall-PN qal li dan mhux minnu u li għandhom ikunu l-kaxxi affetwati li jinfetħu bil-voti verifikati qabel jibda l-għadd nhar il-Ħadd

Is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino
Is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino

Il-Qorti Kostituzzjonali ma laqgħetx it-talba tal-Partit Nazzjonalista biex l-elezzjoni fil-Faċilità korrettiva ta' Kordin terġa ssir mill-ġdid wara li l-istess partit sostna illi għal din l-elezzjoni ivvutaw priġunieri li qal illi mhux suppost kellhom jivvutaw. 

IKTAR KMIENI: Il-Professur Ian Refalo - li qed jidher f'isem il-Kummissjoni Elettorali qal lill-Qorti li l-PN qed "jipprova jwaqqaf il-proċess elettorali" u saħaq illi jekk il-Qorti tilqa' dan il-mandat ikun ifisser li l-elezzjoni ma tkunx tista' tiġi konkluża qabel jinfetħu dawn il-kaxxi. Iżda Paul Borg Olivier li qed jidher għall-PN qal li dan mhux minnu u fakkar li bħalissa diġà għaddejja l-votazzjoni bil-vot jagħlaq nhar is-Sibt filgħaxija. "Aħna qed ngħidu illi l-Qorti għandha tirranġa dawn in-nuqqasijiet." Huwa qal illi f'ġieħ il-prattikalità għandhom ikunu l-kaxxi affetwati li jinfetħu bil-voti verifikati qabel jibda l-għadd nhar il-Ħadd. 

Borg Olivier qal li l-Liġi tiskwalifika nies ma jivvotawx a priori u qal illi hija r-responsabilità tad-Direttur tal-Ħabs u r-Reġistratur sabiex jinforma lill-Kummissjoni Elettorali dwar sentenzi tal-Qorti li jaffetwaw l-eliġibilità tal-vot ta' xi priġunieri. 

"Jekk il-Kummissjoni Elettorali ma rċevietx informazzjoni, kif kellha l-obbligazzjoni - u hi biss setgħet tagħmel dan - li tiċċekkja u telimina votanti mhux eliġibbli. Wettqet dan l-obbligu il-Kummissjoni? Ir-Reġistratur tal-Qorti kien infurmat dwar dan?" 

Il-Professur Refalo iżda insista li l-Liġi tistipola li kull votant reġistrat huwa eliġibbli, jiġifieri tajjeb jew ħażin, "dawn għandhom vot." Huwa qal illi kieku l-PN ried ibiddel ir-reġistru elettorali messu fetaħ il-każ fi stadju aktar bikri." 

"Ejja nimmaġinaw li l-kollega tiegħi għandu raġun. Il-vot jibqa' kif inhu. Ma nistax inbiddel ir-reġistru elettorali. Anzi l-liġi tipprekludi kwalunkwe awtorità milli tmissu."

Huwa qal illi ma hemm ebda Qorti li għandha ġurisdizzjoni fuq ir-reġistru elettorali. "Kif nista' niddikjara l-elezzjoni magħluqa jekk ma jistax niftaħ dan il-pakkett ta' voti?" staqsa.

Il-qorti hija sospiża sakemm tiddeċiedi. 

IKTAR KMIENI: Il-Qorti tilqa' r-rikors u mandat t'inibizzjoni b'urġenza li ressaq il-Partit Nazzjonalista ilbieraħ wara d-deċiżjoni li ħadet il-Kummissjoni Elettorali, li ma aċċettatx it-talba tal-PN biex tiġi nulla l-votazzjoni li saret fil-Faċilitá Korrettiva ta’ Kordin. Is-smigħ ta' din is-seduta se tkun illum stess fit-tlieta ta' waranofsinhar. 

Fir-rikors il-PN talab biex il-Qorti tordna li jinfetħu dawk il-pakketti issiġillati li fihom il-lista tal-persuni intitolati jivvutaw fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, kif ukoll dawk il-pakketti li fihom hemm kontenuti id-dokumenti tal-votazzjoni ta’ dawk il-persuni li vvutaw f'Kordin.

Il-PN talab lill-Qorti tordna lill-Kummissjoni Elettorali u lir-Registraturi tal-Qrati Maltin u Għawdxin sabiex jippreżentaw lista ta’ dawn il-persuni li isimhom jinstab fil-lista ta’ eletturi (LOPEV) u li huma skwalifikati milli jivvutaw kif ukoll sabiex jippreżentaw il-listi mgħoddija mir-registraturi tal-Qrati lill-Kummissjoni Elettorali.

Fir-reazzjoni tiegħu s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino qal li l-Partit Nazzjonalista, "mhu se jħalli xejn li jxekkel il-proċess demokratiku fl-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt li ġej" u hu għalhekk li talab lill-qorti biex b’urġenza tindirizza din il-problema.

Intant saret talba wkoll biex il-Qorti tiddikjara li l-Kummissarju Elettorali Prinċipali u l-Kummissjoni Elettorali naqsu mill-obbligi tagħhom kif ukoll naqsu milli jassiguraw kif l-informazzjoni tasal għandhom mingħand ir-Reġistraturi tal-Qrati Maltin u Għawdxin skont l-obbligu tagħhom u għalhekk il-Qorti tħassar il-votazzjoni li saret f'Kordin nhar is-Sibt 19 ta’ Marzu 2022; u tordna lill-Kummissjoni Elettorali sabiex torganizza elezzjoni mill-ġdid b’lista ta’ eletturi emdendata li teskludi lil dawk il-persuni li huma skwalifikati milli jivvutaw.

Fil-mandat ta’ inibizzjoni l-Partit Nazzjonalista qed jitlob ukoll biex il-Qorti ma tħallix li tinfetaħ il-kaxxa li fiha saret il-votazzjoni qabel ma jkun hemm id-deċiżjoni tal-istess qorti.

More in Elezzjoni 2022