‘Ejja naraw min hu l-vera serial tax evader, imissek tistħi imma min jidħak l-aħħar jidħak l-aħjar!’

Grech jisfida lil Abela biex jippubblika r-rapport ippreżentat lill-Kummissarju tat-Taxxi dwar il-valur tal-villa tiegħu fiż-Żejtun

Il-Kap tal-PN fakkar f'storja li ħarġet fil-ġurnali fl-aħħar ġimgħat, dik fejn allegatament, waqt li kien konsulent legali tal-MEPA Robert Abela "għamel kuntratt għal villa fl-ODZ ħamest ijiem wara li ħareġ il-permess li qatt ma kellu jingħata."  Grech jemmen li Robert Abela għandu imġieba repetuta fejn jara kif “dejjem se jwaħħlu lil xi haddieħor biex jara kif se jakkwista miljuni ta’ flus.”

Fid-dawl ta’ dan Bernard Grech qed jisfida lil Robert Abela biex jippubblika r-rapport li ġie preżentat lill-Kummissarju tat-Taxxi dwar il-valur tal-Villa fiż-Żejtun. Dan filwaqt li jsifidah ukoll jippubblika r-rapport tal-osservazzjoni mill-Perit tal-Gvern biex jikkonferma dan l-istess valur.

“Ejja naraw min hu l-vera serial tax evader, imissek tistħi imma min jidħak l-aħħar jidħak l-aħjar!” Bernard Grech

‘Morru iġbru l-vot’

Hekk kif ninsabu fit-tmiem ir-raba’ ġimgħa tal-kampanja elettorali, Bernard Grech jiftaħ id-diskors tiegħu minn Tas-Sliema b’messaġġ ta’ kuraġġ u pożittività filwaqt li jappella lil dawk li għadhom ma ġabrux il-vot biex jagħmlu dan.

Il-karba għal ġbir tal-voti tkompli, u din mhux biss min-naħa tal-Partit Nazzjonalista. Kemm il-Partit Laburista u anke l-Partit Nazzjonalista għaddejjin b'ħidma bla waqfien hekk kif illum nidħlu fl-aħħar parti tal-Kampanja elettorali u dan hekk kif eluf kbar - jidher li huma ħafna ikbar minn elezzjonijiet preċedenti - għadhom qed jigħidu li ma jridux jivvutaw. 

Fil-fatt sal-Ħamis 37,000 dokument tal-vot kienu għadhom lanqas biss inġabru mill-għases tal-pulizija għalkemm sorsi qalu lill-gazzetta ILLUM li l-aktar distretti li fihom kien għadhom ma nġabrux voti kienu t-Tielet, l-10, it-12 u t-13-il distrett.

Minn Triq Sir Adrian Dingli, Bernard Grech reġa’ fakkar li l-vot mhux biss dritt imma wkoll dmir. Dan mhux biss anzi skont Grech il-vot jaf ikun "iċ-ċavetta importanti li tista’ tagħti futur veru lil dan il-pajjiż.”

“Tista bih tgħolli l-possibilità li jkollok ħajja aħjar, li uliedek ikollhom futur aħjar u li pajjiżna jkollu reputazzjoni aħjar.” Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq kif il-Partit Nazzjonalista qiegħed juri t-triq imma issa huwa f’idejn il-poplu jekk hux se jiddeċiedi li jaqbad dik it-triq jew le.

‘Dam tliet ġimgħat biex joħroġ ktejjeb ikkupjat’

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar kif il-partit kienu ilu għal dawn l-aħħar snin jidjaloga, jiddiskuti u jifhem il-problemi li jiltaqgħu magħhom in-nies biex b’hekk jinbena dak li issa nafu bħala l-manifest elettorali “Miegħek. Għal Malta.”

“Lanqas kienu għadhom għaddew tliet t’ijiem mill-bidu l-kampanja, li ma ħrignix b’programm ta’ viżjoni. Ħaddieħor dam tliet ġimghat biex joħrog ktejjeb ikkupjajt.” Bernard Grech

Grech kompla jispjega kif il-manifest tal-Partit Laburista jinkludi fih paragrafi li ma jfissru xejn fosthom paragrafu li “jgħidlek li jrid jindirizza l-għoli tal-ħajja,imma ma jgħidx kif se jagħmel dan.”

Dan għal PN ifisser li l-Gvern m’għandhux viżjoni, iżda jaħdem mil-lum għal għada. Għal kuntrarju ta’ dan, skont Grech, il-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni ta’ fejn irid jieħu l-pajjiż sal-2030.

‘Jekk Fearne anke fil-pandemija kien jigdbilna ... mela anke issa qed jigdbilna’

Grech reġa’ tkellem dwar id-dibattitu li seħħ virtwalment mal-istudenti tal-Junior College matul din il-ġimgħa fejn il-Prim Ministru Robert Abela għażel li jmur il-monti ta' Birżebbuġa għall-attività politika u minfloku attenda d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne. 

Irrakonta kif meta Robert Abela ma tfaċċax għad-dibattitu huwa staqsa lil Chris Fearne x’kien ġara u r-risposta ta’ Fearne kienet “għax meta l-Prim Ministru jkun indispost, il-viċi Prim Ministru jeħodlu postu.” 

Madankollu Grech jgħid li huwa baqa jhewden u qal bejnu u bejn ruħu “Fearne fil-pandemija konna nemmnuh imma issa li anke fil-pandemija sirna nafu li gidbilna aħjar niċċekjaw naqra.”

Hemm fejn skont Grech saru jafu fejn qiegħed Abela u dan qera’ biċ-ċar li Fearne reġa’ gideb imma fuq kollox li Abela reġa ħarab minn dibattitu ieħor. Dan għal Grech ifisser li “kull ma jmur Robert Abela qed ikompli juri kemm hu Prim Ministru inċert.”

‘Ma nħallux lil min ilu hemm jkompli jaħdem u jaħkem kollox f’idejh’

Filwaqt li tenna li l-Partit Nazzjonalista huwa l-unika partit b’viżjoni għal dan il-pajjiż, Grech spiċċa id-diskors tiegħu f’tas-Sliema billi jitlob lil poplu biex jaħseb dwar il-konsegwenzi tal-vot tagħhom.

Sostna li l-poplu jrid jiġġieled ħames snin oħra kontra “l-arroganza ta’ Robert Abela” u għalhekk għandu jivvota “biex ma nħallux lil min ilu hemm jkompli jaħdem u jaħkem kollox f’idejh.” Grech temm id-diskors jgħid li jiġri x’jiġri, “wara s-Sibt li ġej nibqa’ miegħek għal Malta.”

More in Elezzjoni 2022