Il-Labour u l-PN bl-aħħar sforzi qawwija: Eluf jibqgħu ma jridux jivvutaw

Id-distretti li minnhom l-aktar li għadhom ma nġabrux voti sa issa: It-Tielet, l-10, it-12 u t-13-il distrett - Il-PL jara titjib notevoli fin-numri matul din il-ġimgħa... imma l-kaċċa għall-votanti dubjużi tiħrax

 

Il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista għaddejjin b'ħidma bla waqfien hekk kif illum nidħlu fl-aħħar parti tal-Kampanja elettorali u dan hekk kif eluf kbar - jidher li huma ħafna ikbar minn elezzjonijiet preċedenti - għadhom qed jigħidu li ma jridux jivvutaw. 

Fil-fatt sal-Ħamis 37,000 dokument tal-vot kienu għadhom lanqas biss inġabru mill-għases tal-pulizija għalkemm sorsi qalu lill-gazzetta ILLUM li l-aktar distretti li fihom kien għadhom ma nġabrux voti kienu t-Tielet, l-10, it-12 u t-13-il distrett. Dawk li tkellmu ma' din il-gazzetta qalu li f'kull distrett hemm raġunijiet partikolari għaliex ma jkunux inġabru voti, għalkemm naturalment dawn ma jkunux l-uniċi raġunijiet. 
Fil-każ ta' Għawdex ikollok ħafna votanti li fil-fatt jgħixu Malta u li allura li jkunu għadhom ma ġabrux il-vot filwaqt li fit-tielet (Wied il-Għajn), 10 (Tas Sliema) u anke it-12 (San Pawl il-Baħar) ikollok element qawwi ta' barranin, persuni li jkollhom l-indirizz fuq post ta' villeġġjatura kif ukoll nies li jkollhom appartamenti imma mikrijin u allura ma jkunux jgħixu fil-proprjetà. 

Minkejja li s-sors ta' din il-gazzetta qal li ma hemm xejn allarmanti u li dawn huma d-distretti li fihom b'mod normali ma jinġabrux ħafna voti, il-partiti għaddejjin bla waqfien f'kuntatti ma' votanti li qed jesprimu l-intenzjoni li ma jivvotawx. 

Il-Partit Laburista jinsab minn fuq b'eluf ta' voti u distakk komdu u l-aħħar jiem immarkaw titjib notevoli għall-Partit Laburista, bis-sondaġġ ippubblikat illum fuq il-gazzetta oħt Maltatoday timmarka l-ogħla distakk mill-bidu tal-kampanja favur il-PL, jiġifieri 29,000 vot. Minkejja dan, uffiċjali tal-partit, kandidati u speċjalment Ministri - flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela u anke martu Lydia Abela għaddejjin b'ħidma ma taqta' xejn b'laqgħat ma' votanti li qed jesprimu l-intenzjoni li ma jivvutawx. 

Bernard Grech ukoll huwa mifhum li qed jiltaqa' ma' familji u nies, fosthom Nazzjonalisti imma anke Laburisti diżillużi. 

Minkejja sondaġġi li qed juru distakk li baqa' kbir, iż-żewġ partiti qed jaħdmu għal żewġ għanijiet dijamettrikament opposti. Il-Partit Nazzjonalista u Bernard Grech qed jaħdem biex kemm jista' jkun jonqos id-distakk u allura mhux biss jevita li l-PN isofri minn telfa kbira li twassal għal problemi kbar fi ħdanu imma wkoll sabiex Grech ikun jista' jżomm postu. Kienet din il-gazzetta li rrappurtat kif Grech kien sostna ma' dawk qrib tiegħu illi bi 30,000 vot distakk huwa jipprova jibqa' jmexxi l-PN, għaliex dan ikun qed jimmarka tnaqqis fid-distakk. 
Minn naħa l-oħra Abela jrid iżomm l-istess livell ta' appoġġ li kien ilu jikseb Joseph Muscat sa mill-2009, sabiex b'hekk jassigura leġittimità politika assoluta. 

Intant ibieraħ bdiet l-ewwel rawnd ta' votazzjoni b'madwar 11,000 persuna eliġibbli li jivvotaw fil-votazzjoni kmieni. Fost dawn kien hemm il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola li vvutat ilbieraħ, kmieni filgħodu. 

More in Elezzjoni 2022