'Rebħu b'1,500 vot faru bl-arroganza u kull vot li jibqa' d-dar jagħtihom l-arja li jerġgħu jagħmlu l-istess'

Robert Abela jgħid li min għada jibda 'l-unika survey li jgħodd' 

Dirett mill-Fgura l-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela indirizza lil dawk in-nies li qed jaħsbuha darbtejn jekk nhar is-26 ta' Marzu għandhomx imorru jivvutaw. Fakkar li fl-elezzjoni ġenerali tal-2008, il-Partit Nazzjonalista kien rebaħ b'madwar, "1,500 vot u faru bl-arroganza u b'kull vot li jibqa d-dar jagħtihom l-arja li jerġgħu jagħmlu l-istess."

Abela kompla jgħid li jekk il-PL jingħata l-fiduċja tal-poplu, "se nżommu saqajna malart u aktar kemm tkun b'saħħitha l-fiduċja akbar trid tkun l-umiltà."

Abela tenna li waqt id-dibattitu  mal-Kamra tal-Kummerċ, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ikkritika lil Abela u l-PL għax jitkellmu fuq il-futur. "Fuq xiex triduna nitkellmu jekk mhux dwar Malta li rridu għal uliedna?" staqsa l-Prim Ministru. 

"Hawn min irid jipprova jagħti din l-impressjoni li din hi xi elezzjoni lesta. Hawn min iridkom temmnu li l-vot tagħkom mhux se jagħmel differenza. Hawn min irid jgħid li qisu bilfors li se jirbħu l-PL u daħlu sens li mhux importanti li tmur tivvota. Ara ma naqgħux għal din il-lixka!  Sa' issa għadu ma ġiex mixħut vot wieħed. L-elezzjoni tibda xejn b'xejn," tenna Abela. 

Kompla jgħid li għal dawk l-individwi li ddeċidew li dakinhar tal-votazzjoni, se jibqgħu d-dar, "ftakru min qed jiġġieled kontra l-proposti tagħna u li fil-manifest tiegħu saħansitra ippropona li jieħu lura dak li tajna aħna."

Abela qal li meta l-PL naqas "għarafnih u nidirizzajnih." Kien hawn li staqsa lill-udjenza jekk f'dawn l-aħħar sentejn il-Gvern kienx magħhom, jekk kienux t'appoġġ biżżejjed għan-negozji biex tissaħħaħ l-ekonomija u jekk sarux l-interventi meħtieġa biex jissalvaw l-impjiegi. Huwa żied jgħid li, "jekk ir-risposta għal dan kollu hija 'iva', mela l-appell hu biex tgħinuna nibnu fuq li għamilna għax jekk fid-diffikultà ħadna d-deċiżjoni t-tajba immaġinaw x'nistgħu nagħmlu jekk tafdawna b'mandat ġdid." 

Ritratt meħud ilbieraħ waqt attività politika
Ritratt meħud ilbieraħ waqt attività politika

'Min għada tibda' tittieħed id-deċiżjoni'

Intant fid-diskors tiegħu Abela saħaq li min għada se jibdew jinxteħtu l-voti u tittieħed id-deċiżjoni għall-Gvern ġdid u li għaldaqstant, "min għada jibda' l-unika survey li jgħodd." 

"Min ma kienx magħna fl-interess nazzjonali f'dawn is-sentejn ta' pandemija se jmur jivvota biex jerġa' jieħu lura l-poter, min kien kontra r-riformi għad-drittijiet ċivili se jmur jivvota biex ireġġagħhom lura. Beppe Fenech Adami, Jason Azzopardi, Carol Aquilina, David Agius... Dan li Bernard Grech hu l-wiċċ tagħhom, se jerġgħu ikunu n-nies li jmexxu pajjiżna jekk tibqgħu d-dar," qal lis-segwaċi.

Fl-aħħar huwa stqarr li, jekk jingħata l-appoġġ u l-fiduċja tal-ewwel mandat se jaħdem b'ħiltu kollha u "dak li għamilna hu biss il-bidu." Jgħid ukoll li l-PL għandu pjan ċar ħafna bi proposti ċari. 

"Għalina l-ħtiġijiet tan-nies mhumiex is-suġġetti tal-islogans politiċi imma huma l-iskop ta' dak li ngħixu għalih, li nindirizzawhom u nsolvuhom. Iva, il-futur fidejkom, ejja inkunu fiduċjużi għax dan il-pajjiż huwa mimli potenzjal," temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela. 

More in Elezzjoni 2022