'Użgur li n-nies ma jitolbukom xejn, jekk intom il-ħin kollu iċċemplulhom u tiffittawhom'

L-iżbalji tal-Partit Laburista, il-klijenteliżmu u ċ-ċekkijiet... Abela u Grech f'botta u risposta fuq il-governanza

(Aqra r-rappurtaġġ tal-ewwel parti ta' dan id-dibattitu li tratta l-pandemija, fost oħrajn billi tagħfas hawn)

Waqt it-tielet dibattitu tal-elezzjoni ġenerali f'konfront dirett bejn il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u l-Prim Ministru Robert Abela, mistoqsija fuq il-klijenteliżmu, Abela saħaq li ma jemminx li l-maġġoranza assoluta tal-elettorat tipprova tfittex il-pjaċiri. Iżda qal li s-sistema elettorali tagħna mhux waħda li ma tinċentivahx. 

Huwa qal li l-pajjiż għandu bżonn riformi elettorali fosthom, jekk hux għaqli li nibqgħu bi 13-il distrett u jekk il-Membri Parlamentari għandhomx ikunu fuq bażi full-time, fost oħrajn. "U tgħidli, dik kif se tgħin biex tnaqqas il-klijentaliżmu? Nemmen li tgħin," kompla Abela. 

B'Bernard Grech fuq il-podju jitkellem minn taħt l-ilsien, Abela qal li l-maġġoranza tan-nies li ltaqa' magħhom ma jitlobux għall-pjaċiri iżda jitkellmu dwar il-pensjonijiet u r-realtajiet li qed jgħixu.

"Titkellem ma' ġenituri li ma jiġux jitolbuk pjaċir iżda x'jixtiequ għall-futur tagħhom. Ikollok każijiet iżolati imma l-maġġoranza tan-nies iridu l-ġid tal-pajjiż." Għal dan, Grech irrimarka, "ovvja li n-nies ma jitlobukomx jekk intom il-ħin kollu iċċemplulhom u tiffittawhom biex taraw kif se tagħtuhom xi ħaġa." 

Grech reġa' għamel referenza għal darb' oħra għaċ-ċekkijiet tar-rifużjoni u dak addizzjonali. "F'kampanja elettorali qed iqassam iċ-ċekkijiet lin-nies. Dik governanza tajba? X'qed jinkwetak?" staqsa l-Kap tal-PN. 

Għal dan il-kumment, Abela pront fakkru li kien il-PN stess li għamel kampanja elettorali jitkellmu dwar l-inflazzjoni. "Aħna ma qgħadniex ċassi. Dan kien il-mument li naġixxu u nagħtu appoġġ lin-nies," qal il-Prim Ministru. 

'Min ma jaħdmix, ma jagħmilx żbalji'

Id-diskusjoni baqgħet għaddejja fuq il-governanza u Abela fakkar li sa' mill-ewwel żmien minn mindu nħatar Prim Ministru, "ħadna d-deċiżjonijiet meħtieġa. Dan jinkludi l-ħatra tal-Kummissajru tal-Pulizija ġdid, il-ħatra ta' ġudikatura u mħallfin ġodda u bidla fil-mod ta' kif jinħatar il-President tar-Repubblika, fost oħrajn."

"Nifhem li kien hemm episodji matul is-snin li ddiżappuntaw lin-nies u wasslu għal element tad-diżillużjoni min-naħa tan-nies. Nifhimhom u nagħtihom ir-raġun. Allura l-messaġġ ċar tiegħi lill-kandidati kollha f'isem il-PL hu li żbalji se jsiru, għax min ma jaħdimx ma jagħmilx żbalji. Ir-rettezza u l-integrità iridu jkunu dawk li jiggwidawna fil-ħidma tagħna ta' kuljum," argumenta Abela. 

Madankollu Grech irribatta li issa Abela, "saħansitra qed jibgħat messaġġ lill-kandidati tiegħu u jgħidilhom, 'jista' jkun li intom tiżbaljaw', ara hu, qatt ma jiżbalja. Dik hija l-umiltà li għandna bżonn li nerġgħu ndaħħlu fil-politika, li aħna lkoll nistgħu niżbaljaw. Anke jien, kemm ilni Kap tal-Oppożizzjoni, mhux ovvja!" 

More in Elezzjoni 2022