Il-Kelliema tal-PN għat-Trasport Toni Bezzina qal li mhu veru xejn li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jieħu kareġġjata mit-toroq sabiex issir it-trackless tram, xi ħaġa li kompletament tikkontradixxi dak li qal id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus jumejn ilu biss meta waqt dibattitu għamilha ċara li Gvern Nazzjonalista ma jridx jieħu aktar art agrikola u allura t-trackless tram tkun tfisser li tittieħed karreġjata mit-toroq eżistenti. Bezzina iżda - illum waqt konferenza - qal li l-PN "qatt ma qal li se jnaqqas karreġġjata u li din it-trackless tram kienet intenzjonata sa mill-bidu biex ma tgħaddix minn ċerti żoni propju biex ma jitteħdux il-kareġġjati.
Fil-fatt Bezzina qal li m'għaddietx miż-Żurrieq, speċifikament biex ma jonqsux karreġġjati.
Callus iżda saħaq waqt dibattitu tal-Awtorità tax-Xandir illi t-trackless tram se tgħaddi minn toroq arterjali u dawk distributorji u kkonferma b'mod ċar li din se tkun qed tieħu karreġġjata minn dawk eżistenti, sabiex b'hekk din ma tiħux aktar art permezz ta' twessigħ ta' toroq.
Meta kien sfidat mill-ġurnalisti waqt il-konferenza tal-lum Bezzina qal li l-PN jrid "jamministra aħjar il-karreġġjati u joħloq karreġġjata oħra ddedikata għat-Trackless Tram, xi ħaġa li Callus qal li ma għandhiex issir biex ma titteħidx aktar art agrikola.
Callus qal li karreġjata inqas għal karozzi li minflok tmur għat-trackless tram ma toħloqx traffiku għax saħaq li n-nies ma jibqagħux jużaw il-karozza, biex minflok jieħdu t-tram.
Is-sistema li qed jipproponi l-PN tilħaq xejn inqas minn 48 lokalità u tkopri 173 kilometru, filwaqt li dik tal-metro - ifakkar il-PN - se tilħaq biss 21 lokalità.