It-Trackless Tram li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista se jfisser illi t-toroq arterjali li minnhom se tkun qegħda tgħaddi din it-tram se jidjiequ b'karreġġjat. Dan qalu d-Deputat Ryan Callus waqt dibattitu ilbieraħ tal-Awtorità tax-Xandir li qal ukoll illi l-għażla bejn toroq traffikużi u t-trackless tram se jfissru illi n-nies se jħallu il-karozza d-dar.
Callus qal illi t-trackless tram se tgħaddi minn toroq arterjali u dawk distributorji u se tkun qed tieħu karreġġjata sabiex b'hekk din ma tiħux aktar art permezz ta' twessigħ ta' toroq.
Minflok Callus qal li l-proposta tal-Metro li semma' l-Partit Laburista se tiswa' wisq flus u jgħid li se tieħu wisq żmien biex tkun implimentata., filwaqt li qal ukoll li l-Partit Laburista abbanduna din il-proposta għal aktar studji.
"Din mhix għażla bejn trackless tram proposta mill-PN u l-metro proposta mill-PL, imma għażla bejn trackless tram u t-traffiku eżistenti li jista' biss jiggrava," qal Callus. Huwa insista li l-proposta tal-PN se tiswa' madwar €3 biljun - li jfakkar illi hija nofs l-ispiża tal-Metro u li tkun lesta f'ħames snin. "Nifilħu nistennew 20 sena għal trasport tal-massa? Il-proposta tal-PN ta' trackless tram tista' titlesta f'ħames snin."
It-trackless tram kif proposta mill-PN se tiswa’ €6,500 għal kull metru, filwaqt li s-sistema tal-metro se tiswa €175,000 kull metru.
Apparti minn hekk, Grech intrabat li s-sistema tat-trackless tram tkun lesta u taħdem sa ħames snin oħra, filwaqt li fakkar li l-proposta tal-metro se tkun lesta fis-sena 2047.
Is-sistema li qed jipproponi l-PN tilħaq xejn inqas minn 48 lokalità u tkopri 173 kilometru, filwaqt li dik tal-metro - ifakkar il-PN - se tilħaq biss 21 lokalità.