Grech iwiegħed li l-PN jagħmel trakka tal-karozzi b'ilqugħ biex ma jdejjaqx lir-residenti

Id-dilletanti tal-karozzi, tal-festi u tar-regatta jsibu ruħhom fil-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista wkoll

Wara ilmenti kemm mill-ambjentalisti u saħansitra anke minn partiti żgħar, il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech qiegħed iwiegħed li PN fil-Gvern jagħmel xorta waħda t-trakka tal-karozzi iżda b'ilqugħ apposta li jnaqqsu l-inkonvenjenza għar-residenti.

Il-Kap tal-PN ħabbar dan f'attività politika fl-Imqabba fejn taħt il-murtali u ċapċip tan-nies tkellem ukoll dwar il-freeport f'Birżebbuġa. Huwa fakkar kif kien Gvern Nazzjonalista li ħoloq, wettaq u investa fil-freeport iżda issa hu l-PN fil-Gvern ukoll li jaħseb fl-inkonvenjenża li l-freeport iġib fuq l-ġirien tal-madwar.

Huwa għalhekk li "taħt Gvern Nazzjonalista se jkun qed jitnaqqas l-inkonvenjent li qed isir mill-Freeport fejn se ninvestu fl-operat tal-Freeport biex jaħdem b’inqas inkonvejent għall-poplu ta’ Birżebbuġa."

Din il-wegħda hija interessanti minħabba li l-problemi li taqla', l-iktar ta' storbju, ġew indirizzati dalgħodu stess mill-Partit tal-Ħodor. L-ADPD sostna f'konferenza tal-aħbarijiet li l-istorbju tat-trakka tat-tlielaq tal-karozzi f’Ħal Far se tkompli żżid mal-ħsejjes li Birżebbuġa. Kienet il-kandidata ta' ADPD Melissa Bagley li sostniet: "Ibda mill-ajruplani li fl-inżul tagħhom lejn l-ajruport jgħaddu minn fuq Birżebbuġa, kif ukoll il-ħsejjes kontinwi mill-operat tal-Freeport Terminal. Iż-żona proposta għat-trakka diġà tintuża fi tmiem il-ġimgħa bil-ħsejjes jinstemgħu sa Ħal Kirkop u Ħal Safi. Xi drabi dan jibqa’ sejjer sa tard bil-lejl, ġieli anke sa xis-2am."

Il-PN iwiegħed inqas piż tal-burokrazija permezz ta' klassifikazzjoni ġdida għal każini tal-baned, tal-kmamar tan-nar, tal-armar tal-festa, tar-regatta u iktar

Bernard Grech waqt l-attività fl-Imqabba stqarr li d-delizzji huma wisq importanti u għalhekk jifhem l-isfidi li jesperjenzaw id-diletanti b'mod partikolari dawk tal-festa. 

Huwa għalhekk li fost in-numru ta' wegħdiet oħra, Grech wiegħed illi l-PN fil-Gvern jaħdem biex tittaffa l-piż tal-burokrazija billi ssir klassifikazzjoni ġdida biex għaqdiet bħalma huma każini tal-baned, tal-kmamar tan-nar, tal-armar tal-festa jew tar-regatta, ikunu klassifikati b’mod li l-obbligazzjonijiet legali ma jkunux daqstant burokratiċi. Dan filwaqt li fl-istess ħin ġbir tal-flus taħt ċertu ammont ikunu simplifikati.

'Robert Abela reġa’ ħarab minn dibattitu miegħi'

Fl-aħħar tad-diskors tiegħu, il-Kap tal-Opożizzjoni tkellem dwar id-dibattitu li seħħ virtwalment mal-istudenti tal-Junior College dalgħodu stess, fejn il-Prim Ministru Robert Abela għażel li jmur il-monti ta' Birżebbuġa għall-attività politika u minfloku attenda d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne. Rigward dan Grech qal li "Robert Abela reġa’ ħarab minn dibattitu" u dan hu sinjal ċar li "ma jinteresaħx mill-istudenti."

Fl-istess waqt il-Kap tal-PN fakkar f'storja li ħarġet fil-ġurnali matul l-aħħar jiem, dik fejn allegatament, waqt li kien konsulent legali tal-MEPA Robert Abela "għamel kuntratt għal villa fl-ODZ ħamest ijiem wara li ħareġ il-permess li qatt ma messu ngħata." 

Grech spega kif ġie ddikjarat li l-villa inxtrat għal €600,000 iżda l-permess li nħarġilha ġie jiswa mill-inqas 2 miljun ewro. Dan għal Bernard Grech ifisser li "apparti t-€28,000 li kien jieħu fix-xahar sa’ issa nafu li Robert Abela gwadanja mal-miljun u nofs ewro f’żewġ deals."

More in Elezzjoni 2022