'L-ewwel it-trakka u issa l-mitjar ... Ir-residenti ta’ Birżebbuġa ma jifilħux aktar!'

Kelliema tal-ADPD jisħqu li l-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista moħħom biss li jiksbu l-poter akkost ta' kollox

Il-kandidata ta' ADPD Melissa Bagley flimkien maċ-Chairman ta' ADPD Carmel Cacopardo
Il-kandidata ta' ADPD Melissa Bagley flimkien maċ-Chairman ta' ADPD Carmel Cacopardo

Il-Partit tal-Ħodor saħqu li l-lokalità ta' Birżebbuġa ma tistax tibqa’ tkun ibbumbardjata minn proġetti ġodda li jkompli jnaqqru il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

F’konferenza ta’ l-aħbarijiet il-Ħamis filgħodu, kelliema ta’ ADPD tkellmu dwar l-aktar żewġ proġetti riċenti u kontroversjali, dak tat-trakka tat-tlielaq tal-karozzi u dik tal-mitjar għall-mudelli tal-ajruplani biswit Wied Żnuber.

"L-aħħar attakk hija it-trakka tat-tlielaq tal-karozzi liema proġett ġie mgħaġġel il-ftehim dwaru bħala parti mill-wegħdiet elettorali," qalet Melissa Bagley, residenta ġewwa Birżebbuġa, Deputat Segretarju Ġenerali ta’ ADPD u kandidata f’isem l-ADPD fuq il-ħames distrett li minnu jagħmel part Birżebbuġa.

Hija qalet li l-proposta tal-Gvern turi nuqqas ta’ sensittività għar-residenti f’Birżebbuġa. "Il-livell akustika li se jkun iġġenerat minn dan il-proġett se jkollu impatt ukoll fuq żona ta’ importanza ekoloġika li hija biss 600 metru il-bogħod," kompliet Bagley.

L-istorbju tat-trakka tat-tlielaq tal-karozzi f’Ħal Far se tkompli żżid mal-ħsejjes li Birżebbuġa jkollha l-ħin kollhu skont il-kandidata.  "Ibda mill-ajruplani li fl-inżul tagħhom lejn l-ajruport jgħaddu minn fuq Birżebbuġa, kif ukoll il-ħsejjes kontinwi mill-operat tal-Freeport Terminal. Iż-żona proposta għat-trakka diġà tintuża fi tmiem il-ġimgħa bil-ħsejjes jinstemgħu sa Ħal Kirkop u Ħal Safi. Xi drabi dan jibqa’ sejjer sa tard bil-lejl, ġieli anke sa xis-2am," spjegat Bagley.

Hi temmet tgħid li dan il-proġett flimkien ma’ oħrajn bħalma huwa il-mitjar żgħir għall-mudelli tal-ajruplani f’Wied Żnuber kif ukoll xniegħat ta’ aktar żviluppi min-naħa tal-Freeport qiegħed iwassal biex "Birżebbuġa tinsab imdawwra minn storbju minn kull naħa u r-residenti ta’ Birżebbuġa ma jifilħux aktar!”

Fil-konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll iċ-Chairperson tal-ADPD Carmel Cacopardo illi insista li l-ebda sit f’Malta ma tista’ tiġi kkunsidrata tajba għal trakka tal-karozzi mingħajr ma toħloq inkonvenjent esaġerat lir-residenti jew ħsara lill-ambjent jew it-tnejn. "Malta hija żgħira. Iktar ma naċċettaw dan malajr ikun aħjar għal kulħadd. Kulħadd għandu jifhem li m’hemmx lok għal proġetti bħal dawn. Parti minn tort żgur huwa in-nuqqas ta’ ippjanar li kellna tul is-snin u li issa qegħdin inbagħtuh illum," sostna Cacopardo.

Huwa insista li żoni li ġew iddikjarata bħala barra mill-iżvilupp (ODZ) jibqgħu hekk akkost ta’ kollox filwaqt li fakkar li l-ADPD kemm-il darba talbet ukoll biex il-kunsilli lokali jkunu iktar involuti fil-ħarsien tal-ftit żoni ħodor li fadal f’pajjiżna.

"Il-kunsilli lokali għandhom ikollhom il-poter li jwaqqfu żvilupp f’żoni ODZ sew direttament jew bis-saħħa ta’ referenda lokali. Dan ikun eżempju ta’ kif jiġi imħaddem il-prinċipju tas-sussidjarjetà fil-prattika – bid-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista’ jkun viċin dawk li se jkunu l-aktar milquta’ mill-istess deċiżjonijiet. Proġetti ta’ ġid nazzjonali jsiru biss bl-approvazzjoni tal-parlament," qal Cacopardo.

Huwa ċċara li l-politika tal-ambjent għandha tagħraf li aħna nifformaw parti minn ekosistema li hemm bżonn inħarsu għal ġenerazzjonijiet futuri. Madankollu skont ADPD, gvernijiet wieħed wara l-ieħor raw biss sa mneħirom billi taw każ x’hemm bżonn illum mingħajr l-ebda ħsieb tal-futur. Huwa għalhekk li ADPD qegħda titlob li l-prinċipji ambjentali fil-kostituzzjoni jistgħu jkunu suġġetti għal kawżi fil-Qorti fejn il-Gvern jkun mġiegħel jieħu azzjoni jekk dan jkun naqas li jagħmel dan fejn meħtieġ.

“Jkunu biss il-Membri Parlamentari ta’ ADPD fil-parlament li jmiss li jistgħu jżomm ir-riedni għal dak li hu għaddej bħalissa. Il-PLPN jidher li flok jaraw li jħarsu il-kwalità tal-ħajja tar-residenti moħħom biss li jiksbu l-poter akkost ta’ kollox,” temm Cacopardo.

More in Elezzjoni 2022