L-Istati Uniti wettqu attakki militari ġodda fuq l-Iran, fejn immiraw sit militari fil-belt portwali ta’ Bandar Abbas, waħda mill-aktar żoni strateġiċi qrib l-Istrett ta’ Hormuz.
Fi stqarrija, il-US Central Command (Centcom) qal li l-forzi Amerikani sparaw ukoll fuq erba’ drones Iranjani li kienu qed jintużaw għal attakki “u li kienu qed joħolqu theddida” fiż-żona tal-istrett.
Skont Centcom, is-sit militari f’Bandar Abbas intlaqat hekk kif kien qed jipprepara biex iniedi drone ieħor.
Midja statali Iranjana rrappurtat splużjonijiet fil-lvant tal-belt.
L-attakki qed iseħħu f’mument partikolarment sensittiv hekk kif bejn Washington u Tehran għadu għaddej ceasefire meqjus fraġli ħafna, filwaqt li għaddejjin ukoll negozjati biex jintemm kunflitt li ilu tliet xhur jaffettwa t-traffiku marittimu fl-Istrett ta’ Hormuz.
Il-kunflitt diġà wassal għal tfixkil kbir fit-trasport tal-enerġija u żieda fil-prezzijiet globali tal-fuel.
Din hija t-tieni darba fi tliet ijiem li l-Istati Uniti wettqu attakki fuq miri ġewwa l-Iran.
Washington insistiet li l-operazzjonijiet saru bħala forma ta’ “self-defence” u biex jinżamm il-ceasefire.
Centcom iddeskriviet l-operazzjoni bħala waħda “ikkalkulata, purament difensiva u maħsuba biex iżżomm il-ceasefire”.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-militar Amerikan kien ikkonferma wkoll attakki oħra fin-naħa t’isfel tal-Iran.
Dawn kienu mmirati lejn siti tal-missili Iranjani u bastimenti li allegatament kienu qed jippruvaw ipoġġu mini fl-Istrett ta’ Hormuz.
Eluf ta’ tanker ships kummerċjali għadhom mwaħħla fiż-żona minħabba l-kunflitt.
L-Iran ikkundanna l-attakki u ddeskriviehom bħala “ksur serju tal-ceasefire”.
Tehran wissiet li “ebda att ta’ ostilità mhux se jitħalla mingħajr risposta”.
Intant, il-Kuwajt qal li s-sistemi tad-difiża tiegħu interċettaw “theddid ostili” minn missili u drones, għalkemm ma ngħatawx aktar dettalji.
Fl-istess waqt, l-Istati Uniti imponiet ukoll sanzjonijiet fuq il-Persian Gulf Strait Authority — l-entità Iranjana responsabbli mill-ġbir ta’ ħlasijiet minn bastimenti li jgħaddu mill-Istrett ta’ Hormuz.
Id-Dipartiment tat-Teżor Amerikan wissiet li vapuri li jagħmlu pagamenti lil din l-awtorità jistgħu wkoll jispiċċaw taħt riskju ta’ sanzjonijiet.
Madwar ħamsa minn kull għaxar vapuri li jġorru gass naturali likwifikat u żejt fid-dinja jgħaddu minn dan l-istrett, li jagħmlu wieħed mill-aktar rotot marittimi importanti globalment.
Kull tfixkil fiż-żona qed iħalli impatt immedjat fuq il-kummerċ internazzjonali tal-fuel.
Minn naħa tiegħu, il-kelliem tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Iranjan Esmaeil Baqaei qal li Tehran qed tiġbor tariffi għal “servizzi ta’ navigazzjoni” u se tkompli tissorvelja t-traffiku marittimu fl-istrett.
Iżda s-Segretarju tat-Teżor Amerikan Scott Bessent akkuża lill-Iran li qed jipprova “jagħfas” fuq il-kummerċ marittimu internazzjonali.
Huwa qal li dawn il-miżuri huma “prova” li l-Iran jinsab “iddisprat għall-flus”.
U hekk kif il-kunflitt qed ikompli jeskala, il-biża’ ta’ aktar instabbiltà fil-Lvant Nofsani qed terġa’ tikber — għax meta jintmess l-Istrett ta’ Hormuz, normalment id-dinja kollha tibda tħossha fil-prezz tal-pompa.