Andy Burnham se jieħu post Keir Starmer bħala Prim Ministru tar-Renju Unit.

L-eks sindku ta' Greater Manchester se jieħu post Keir Starmer wara r-riżenja tiegħu u jwiegħed li jwassal għal tkabbir ekonomiku u aktar poter lill-komunitajiet lokali

Andy Burnham ġie kkonfermat bħala l-mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista Brittaniku u se jsir uffiċjalment Prim Ministru tar-Renju Unit nhar it-Tnejn.

Fl-ewwel diskors tiegħu bħala mexxej tal-partit, Burnham wiegħed li jwassal "tkabbir ekonomiku tajjeb f'kull komunità u tama f'kull qalb."

Għalkemm għadu ma ppreżentax il-programm politiku tiegħu fid-dettall, Burnham qal li se jiffoka fuq aktar poter għall-komunitajiet lokali, gvern favur in-negozji u aktar investiment fil-bini ta' akkomodazzjoni soċjali.

Il-ħatra tiegħu ssegwi r-riżenja tal-eks Prim Ministru Keir Starmer, li kien taħt pressjoni dejjem tikber wara r-riżultati dgħajfa tal-Partit Laburista fl-elezzjonijiet lokali.

Burnham, li serva bħala sindku ta' Greater Manchester, irritorna fil-Parlament wara li rebaħ l-elezzjoni każwali ta' Makerfield f'Ġunju. Ir-rebħa tiegħu kompliet issaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala s-suċċessur ta' Starmer.

Huwa ġie kkonfermat mingħajr kontestazzjoni wara li kiseb appoġġ qawwi mid-deputati Laburisti, it-trade unions u affiljati oħra tal-partit.

Sadanittant, il-Prim Ministru Malti Robert Abela feraħ lil Burnham permezz ta' messaġġ fuq il-midja soċjali, fejn qal li Malta tħares 'il quddiem biex tkompli ssaħħaħ ir-relazzjoni tagħha mar-Renju Unit.

Burnham se jieħu l-kariga uffiċjalment nhar it-Tnejn wara li Starmer jippreżenta r-riżenja tiegħu lir-Re f'Buckingham Palace. Wara, Burnham mistenni jagħmel l-ewwel diskors tiegħu minn quddiem Downing Street u jħabbar il-membri tal-Kabinett il-ġdid tiegħu.

More in Barranin