Il-Palestinjani f'Ramallah jfakkru t-78 anniversarju tan-Nakba u jappellaw għad-dritt tar-ritorn

Fix-Xatt tal-Punent, dimostranti Palestinjani enfasizzaw li l-ġrajja tan-Nakba għadha ferita miftuħa fil-memorja kollettiva tal-poplu Palestinjan, hekk kif l-effetti tat-tkeċċija sforzata tal-Palestinjani minn arthom għadhom jinħassu 78 sena wara

F'Ramallah, il-kwartieri ġenerali tal-Awtorità Palestinjana (PA), mijiet ta' Palestinjani nġabru fiċ-ċentru tal-belt biex jikkommemoraw l-anniversarju, filwaqt li l-moskej madwar il-belt daqqew sirena ta' 78 sekonda, referenza simbolika għas-78 anniversarju tan-Nakba.

Marċ tal-massa beda mill-qabar tal-ewwel President Palestinjan u l-fundatur tal-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni Palestinjana (PLO), il-mibki Yasser Arafat. Dawk preżenti imxew lejn Pjazza Manara; f'dimostrazzjoni li matulha l-parteċipanti għollew bnadar Palestinjani u daqqew tnabar f'toroq li kienu miżgħuda bil-folol.

Bnadar Palestinjani ġew imtellgħin fil-pjazez u t-toroq, filwaqt li l-parteċipanti għollew idejhom u għamlu sinjali ta' rebħa. Waqt dawn l-avvenimenti li kellhom attendenza numeruż, il-folla vvjaġġat fit-toroq tal-belt b'bandiera Palestinjana mdaqqsa f'idejha.

F'xeni simboliċi ripetuti waqt il-kommemorazzjoni, il-protestanti ġarrew muftieħ kbir li jissimbolizza d-dritt tar-ritorn għar-refuġjati Palestinjani madwar id-dinja, filwaqt li ġew imtellgħin banners li jitolbu r-ritorn ta' dawn ir-refuġjati lejn l-art li storikament kienet il-Palestina.

Dawk preżenti enfasizzaw l-impenn tal-Palestinjani sabiex jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jirritornaw lejn l-ibliet u l-irħula li minnhom ġew imkeċċija bil-forza waqt l-avvenimenti li waslu għat-twaqqif tal-istat ta' Iżrael 78 sena ilu.

Dawk preżenti jsostnu d-dritt tar-ritorn

Matul l-avvenimenti, il-parteċipanti enfasizzaw li l-ġrajja tan-Nakba għadha ferita miftuħa fil-memorja kollettiva tal-poplu Palestinjan. Dawk preżenti argumentaw li l-effetti tat-tkeċċija u t-tneħħija tal-pussess ma spiċċawx mal-mogħdija taż-żmien, iżda għadhom preżenti fil-ħajjiet tal-Palestinjani ġewwa t-territorji Palestinjani u fil-kampijiet tar-refuġjati fil-pajjiżi ġirien.

Palestinjan preżenti waqt it-tfakkira f'Ramallah, Abdel Kareem Abu Arqoub, qal lill-Associated Press: "Dan il-jum l-ewwel ifakkarna fi traġedja nazzjonali li laqtet lill-poplu Palestinjan ħafna deċennji ilu, u d-dritt tar-ritorn irid jingħata lura lis-sidien leġittimi tiegħu, u l-ġustizzja trid tinkiseb għall-poplu Palestinjan billi jirritornaw lejn djarhom minn fejn ġew spostati."

Sadanittant, Jihad Dar Ali preżenti wkoll f'Ramallah tenna l-ġlieda Palestinjana fuq id-"dritt għar-ritorn" u sejjaħlu "dritt sagru li mhuwiex soġġett għal preskrizzjoni. F'dan il-jum, nitolbu li l-Gran Brittanja, li kienet il-kawża tan-Nakba tagħna u t-tbatija tagħna, tikkumpensana moralment u materjalment għas-snin ta' telf u spostament li kkawżat.''

Huwa kompla jgħid li ''ir-Renju Unit, potenza kolonjali tal-Punent, tat art twelidna, il-Palestina, l-art tal-antenati tagħna, lill-poplu Lhudi."

Mid-Dikjarazzjoni ta' Balfour għar-Riżoluzzjoni 194

Huwa maħsub li 750,000 Palestinjan tkeċċew bil-forza minn djarhom waqt il-ħarba li saret magħrufa bħala n-Nakba. Madankollu, l-oriġini tan-Nakba tmur lura għal qabel l-1948, speċifikament għall-1917, meta s-Segretarju tal-Affarijiet Barranin Brittaniku Lord Balfour ħareġ dikjarazzjoni notorja li fiha l-gvern Brittaniku wiegħed li jappoġġja t-twaqqif ta' stat għal-Lhud fil-Palestina, li aktar tard tqiegħdet taħt amministrazzjoni Brittanika wara l-kollass tal-Imperu Ottoman.

Fl-1947, in-Nazzjonijiet Uniti pproponiet pjan sabiex il-Palestina tinqasam f'żewġ stati; stat Għarbi u stat Lhudi. In-Nazzjonijiet Uniti; li sa dak iż-żmien kienet għadha komposta minn maġġoranza ta' pajjiżi tal-Punent; pproponiet aktar minn nofs l-art tingħata sabiex jitwaqqaf fuqha stat Lhudi prospettiv. Dan minkejja li 7% biss tal-art kienet f'idejhom l-immigranti Lhudi li bdew jaslu fil-Palestina fis-seklu 19 sabiex jaħarbu mill-persekuzzjoni anti-semitika fl-Ewropa.

Sadanittant, il-pjan kontroversjali ġie miċħud mill-Palestinjani u l-pajjiżi Għarab tal-madwar. Hekk kif intemmet l-amministrazzjoni Brittanika u ġie ddikjrata it-twaqqif ta' Iżrael f'Mejju 1948, ingħata bidu għal kampanji ta' vjolenza u tkeċċija sforzata, inklużi aktar minn sebgħin massakru dokumentat ta' residenti Palestinjani f'irħula bħal Deir Yassin, Tantura, u Haifa.

Wara d-dikjarazzjoni tat-twaqqif ta' Iżrael, forzi Għarab mill-Eġittu, is-Sirja, il-Ġordan, il-Libanu, l-Għarabja Sawdija, u l-Iraq nedew intervent militari konġunt f'attentat sabiex iwaqqfu l-avvanz militari Iżraeljan. Madanakollu, dan irriżulta fit-telfa tal-armati Għarab, filwaqt li Iżrael irnexxielu jespandi l-kontroll tiegħu għal żoni akbar minn dawk allokati lilu mill-pjan ta' qsim.

F'Diċembru 1948, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti approvat ir-Riżoluzzjoni 194, li stipulat id-dritt tar-refuġjati Palestinjani li jirritornaw lejn djarhom "malajr kemm jista' jkun", flimkien ma' kumpens għal dawk li ma xtaqux jirritornaw jew li sofrew danni.

Għalkemm ir-riżoluzzjoni tibqa' referenza legali ewlenija fil-każ Palestinjan, din għadha ma ġietx implimentata sal-lum, hekk kif l-Iżrael kien u għadu qiegħed jipprevjeni r-ritorn tar-refuġjati Palestinjani.

In-Nakba hija ġrajja ċentrali abbinata mat-taqbida nazzjonali tal-poplu Palestinjani. Avvenimenti li jfakkru Jum in-Nakba jiġu organizzati kull sena fix-Xatt tal-Punent, f'Gaża, u f'pajjiżi madwar id-dinja fejn jgħixu miljuni ta' refuġjati Palestinjani u d-dixxendenti tagħhom.

Minn dakinhar 'l hawn, id-dritt għar-ritorn sar parti essenzjali mill-identità Palestinjana u min-narrattiva storika tal-kunflitt, mgħoddija lit-tfal u lin-neputijiet minn ġenerazzjoni għal oħra.

Sadanittant, il-vjolenza fix-Xatt tal-Punent tkompli

Sadanittant, il-vjolenza kontra l-Palestinjani minn gruppi ta' settlers Iżraeljani illegali dejjem qiegħda tgħolli rasha fix-Xatt tal-Punent u f'Ġerusalemm tal-Lvant, hekk kif il-gvern Iżraeljan qiegħed ikompli jwettaq miżuri u jintroduċi liġijiet aggressivi għall-preżenza Palestinjana f'dawn it-territorji. 

Fit-territorji Palestinjani li huma okkupati mill-Iżrael, l-ammont ta' settlers Iżraeljani illegali qiegħed dejjem ikompli jiżdied, hekk il-gvern Iżraeljan qiegħed ikompli iħarrax l-okkupazzjoni fuq l-artijiet Palestinjani bħala parti mill-wegħda tal-Prim Ministru Iżraeljani Benjamin Netanyahu li qatt ma jiġi ttollerat it-twaqqif ta' stat Palestinjan. 

Bl-appoġġ tal-gvern, is-settlers Iżraeljani qedgħdin ikomplu jespandu is-settlements illegali li dejjem qegħdin ikomplu jinfirxu madwar ix-Xatt tal-Punent kollu, permezz tat-twaqqigħ ta' proprjetajiet li jappartjenu għall-Palestinjani, it-teħid tar-raba' ta' bdiewa Palestinjani bil-forza u l-użu frekwenti ta' vjolenza armata minn gruppi estremisti.

Ftit tal-ġimgħat ilu, il-Knesset Iżraeljan approva liġi li timponi l-piena kapitali b'mod esklussiv għal priġunieri Palestinjani; li jinkludu priġunieri politiċi u addoloxenti li qatt ma ngħataw id-dritt għal smigħ xieraq qabel ma ġew arrestati.

Fil-ħabsijiet Iżraeljani, huwa magħruf illi dawk miżmuma fihom huma esposti għal vjolenza u trattament degredanti u inuman; li jinkludi l-użu tat-torturi u l-vjolenza sesswali b'mod sistematiku.

Wieħed jista' jgħid li din is-sitwazzjoni attwali qiegħda twassal għat-tkomplija tal-eżodu tal-Palestinjani minn arthom; prova li n-Nakba mhuwiex ġrajja storika mbiegħda iżda realta' li miljuni ta' Palestinjani jgħixu ta' kuljum.

More in Barranin