Petizzjoni biex l-UE tissospendi ftehim ma’ Iżrael taqbeż miljun firma

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew issa obbligati jevalwaw it-talba wara li l-inizjattiva laħqet il-livell meħtieġ ta’ appoġġ

Petizzjoni li titlob lill-Unjoni Ewropea tissospendi l-ftehim ta’ kummerċ u kooperazzjoni ma’ Iżrael qabżet il-livell ta’ miljun firma meħtieġ skont il-liġi tal-UE, u b’hekk qed tobbliga lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew jevalwaw formalment it-talba.

L-inizjattiva, imnedija mill-European Left Alliance flimkien ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u movimenti favur il-Palestina, issemmi l-imġiba ta’ Iżrael f’Gaza bħala raġuni ewlenija għal sospensjoni tal-ftehim. Skont it-test tagħha, Iżrael huwa responsabbli għal “livell bla preċedent ta’ qtil u ġrieħi ta’ ċivili, spostament fuq skala kbira tal-popolazzjoni, u qerda sistematika ta’ sptarijiet u faċilitajiet mediċi f’Gaza.”

L-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri issa għandhom tliet xhur biex jivverifikaw il-firem. Wara s-sottomissjoni formali, il-Kummissjoni trid tiddikjara x’miżuri bi ħsiebha tieħu jew tispjega għaliex ma taġixxix. Il-Parlament Ewropew irid jorganizza seduta mal-organizzaturi u jista’ jiddibatti u jadotta riżoluzzjoni.

L-inizjattiva tirreferi wkoll għal nuqqas ta’ konformità minn Iżrael ma’ diversi direttivi tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, fosthom ordni ta’ Jannar 2024 li tħeġġeġ lil Iżrael jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipprevjeni ġenoċidju tal-Palestinjani f’Gaza, kif ukoll ordni ta’ Mejju 2024 li titlob sospensjoni immedjata tal-attivitajiet militari f’Rafah.

F’Malta, ġew irreġistrati 637 firma, numru ferm inqas mill-livell nazzjonali meħtieġ ta’ 4,230. Franza kienet l-aktar pajjiż b’firms, b’aktar minn 403,000, segwita mill-Italja b’aktar minn 252,000 u Spanja b’aktar minn 125,000. Il-Ġermanja, minkejja li għandha l-ogħla limitu nazzjonali ta’ 67,680, ġabret madwar 45,900 firma, ukoll taħt il-limitu.

Minkejja li ntlaħaq il-milestone, l-inizjattiva għadha tiffaċċja sfidi sinifikanti. Proposta tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen f’Settembru 2025 biex il-ftehim jiġi sospiż parzjalment kienet diġà ġiet imblukkata, hekk kif Stati Membri bħal Ġermanja, Ungerija u r-Repubblika Ċeka opponewha, u b’hekk ma ntlaħaqx il-maġġoranza kwalifikata meħtieġa.

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u Iżrael, li daħal fis-seħħ fl-2000, jiffaċilita d-djalogu politiku u l-kooperazzjoni ekonomika. L-UE tibqa’ l-akbar sieħeb kummerċjali ta’ Iżrael, b’kummerċ ta’ oġġetti li laħaq €42.6 biljun fl-2024. Barra minn hekk, Iżrael jipparteċipa fil-programm Horizon Europe, li jipprovdi finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni, b’aktar minn €1.1 biljun allokati lil istituzzjonijiet u kumpaniji Iżraeljani.

Il-petizzjoni ġiet irreġistrata mill-Kummissjoni Ewropea fil-25 ta’ Novembru 2025 u qed timmira li tilħaq 1.5 miljun firma biex issaħħaħ aktar it-talba tagħha.

More in Barranin