Kuba tgħid liċ-ċittadini tagħha sabiex jippreparaw għal gwerra mal-Istati Uniti

Wara xhur ta' imblokk punittiv taż-żejt li wassal għal każijiet ta' qtugħ tad-dawl mifruxa mal-gżira kollha, l-amministrazzjoni Trump qiegħda żżid l-intensita' tal-kampanja tagħha ta' pressjoni fil-konfront tal-gvern f'Ħavana

Ritratt: Wikimedia Commons.
Ritratt: Wikimedia Commons.

Fl-aħħar jiem, il-Flotta Amerikana stazzjonat bastiment tal-ġarr tal-ajruplani 'l barra mill-kosta ta' Kuba, filwaqt li l-White House espandiet is-sanzjonijiet fuq il-mexxejja ta' Kuba u prosekuturi federali akkużaw lill-eks President Kuban Raúl Castro b'allegat qtil li seħħ tletin sena ilu.

Is-Segretarju tal-Istat Marco Rubio, waqt li tkellem mal-ġurnalisti, qal li dak li għal ħafna qiegħed isir ovvju: li l-prospett ta' "ftehim innegozjat u paċifiku" mal-gvern komunista ta' Kuba "mhuwiex probabbli."

Wara xhur ta' imblokk punittiv taż-żejt li wassal għal każijiet ta' qtugħ tad-dawl mifruxa mal-gżira kollha, l-amministrazzjoni Trump qiegħda żżid l-intensita' tal-kampanja tagħha ta' pressjoni fil-konfront tal-gvern f'Ħavana.

Dan qiegħed iqajjem mistoqsijiet dwar jekk Kuba hijiex se tkun il-mira li jmiss tal-Istati Uniti wara l-Venezwela u l-Iran. Sa issa, l-Istati Uniti waqqgħet lill-President Venezwelan Nicolás Maduro f'Jannar u xahar wara qatlet lill-mexxej suprem tal-Iran, l-Ayatollah Ali Khamenei.

Uffiċjali f'Kuba, li kkritikaw l-akkuża kontra Castro bħala "azzjoni politika" bil-ħsieb li tintuża bħala ġustifikazzjoni għal invażjoni futura, jgħidu li qegħdin jippreparaw għall-possibbilita' ta' gwerra mal-Istati Uniti.

Carlos Fernández de Cossío, id-deputat Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ Kuba, qal li filwaqt li l-pajjiż jittama li jevita l-prospett ta' kunflitt, xorta waħda qiegħed isaħħaħ id-difiżi tiegħu. “Inkunu inġenwi” jekk ma nagħmlux hekk, qal.

Għal ġimgħat sħaħ, Kuba ilha tiċċirkola fuljett fost iċ-ċittadini tagħha; intitolat “Gwida għall-Familja għall-Protezzjoni Kontra l-Aggressjoni Militari”; li ​​jgħid li l-Istati Uniti qiegħda “thedded li tniedi attakk militari u teqred is-soċjetà tagħna bil-għan li tipperpetwa l-kapitaliżmu sabiex teqred il-ħolma tal-Kap Kmandant tagħna, Fidel Castro.”

Id-dokument jagħti struzzjonijiet lill-familji sabiex jaħżnu kits tas-salvataġġ u jfittxu kenn jekk jisimgħu l-ħoss sireni ta’ attakk mill-ajru. Dan id-dokument jipprovdi wkoll struzzjonijiet tal-ewwel għajnuna għal affarijiet bħall-irbit ta’ tourniquet. “Jekk l-għadu jattakka,” jgħid, “ir-Rivoluzzjoni tagħna se tiddefendi lilha nnifisha sakemm tinkiseb ir-rebħa u l-aggressur jitkeċċa.”

Il-Kubani qegħdin isegwu l-iżviluppi b’ansjetà, iżda huma ffukati sabiex jgħixu ġurnata b'ġurnata minħabba n-nuqqas ta' riżorsi.

Ġarr ta’ żejt mhux raffinat f’April; waħda mill-uniċi kunsinni taż-żejt din is-sena; ġie eżawrit, bil-Ministru tal-Enerġija u l-Minjieri ta’ Kuba jħabbar din il-ġimgħa li l-pajjiż m’għandux fjuwil biex iħaddem il-mezzi tad-distribuzzjoni tal-elettriku u qiegħed jiddependi fuq żejt domestiku u pannelli solari. “M’għandniex aktar riżervi,” qal.

Il-kriżi tal-enerġija tefgħet ħafna mill-pajjiż fid-dlam, b’ħafna djar jirċievu biss ftit sigħat ta’ elettriku kuljum. L-ikel huwa skars jew qiegħed jeħżien minħabba n-nuqqas ta’ refriġerazzjoni. Bosta univeristajiet u skejjel huma magħluqa, filwaqt li l-karozzi u x-xarabanks huma wieqfa. Humwa wkoll bosta l-isptarijiet li m’għandhomx enerġija għall-ventilaturi.

“Kuba qiegħda tmur għall-agħar,” qal Michel Fernández Pérez minn Cuba Próxima; organizzazzjoni mhux governattiva bbażata fi Florida. “Huwa pajjiż fuq xifer ta’ kriżi terminali. In-nies ma jafux x’se jiġri fi żmien qarib, u ħafna m’għandhom kważi l-ebda tama li l-affarijiet fil-fatt se jitjiebu.”

L-Istati Uniti u Kuba ilhom involuti f’taħditiet għal xhur sħaħ, b’uffiċjali Amerikani jitolbu riforma tal-ekonomija mmexxija mill-istat tal-gżira u s-sistema politika ta’ partit wieħed. Il-ġimgħa li għaddiet, id-Direttur tas-CIA John Ratcliffe vvjaġġa lejn Ħavana sabiex jipparteċipa f'taħditiet.

Iżda l-mexxejja ta’ Kuba jidhru li mhumiex lesti li jagħmlu konċessjonijiet kbar, u mhumiex jafdaw li l-Istati Uniti ġenwinament iridu ekonomija ħielsa u soċjeta' demokratika. Qabel ir-Rivoluzzjoni Kubana tal-1959, Kuba taħt it-tmexxija ta' dittatorjat Faxxista oppressiv immexxi minn Fulgencio Batista; tmexxija li kienet ikkaratterizzata minn tolleranza lejn monopolji minn kumpaniji Amerikani fuq ir-riżorsi tal-gżira.

Il-mexxejja ta' Kuba pubblikament qalu li ma jemmnux li l-Istati Uniti qiegħda taġixxi in bona fede.

Kuba tqajjem tensjonijiet b’twissija qawwija lill-Istati Uniti

Ritratt: Wikimedia Commons.
Ritratt: Wikimedia Commons.

“Ovvjament ma jgħinx klima ta’ djalogu u fiduċja li kull jumejn ikun hemm dikjarazzjonijiet bħal, ‘Aħna lesti li nieħdu f’idejna lil Kuba,’” qal l-ambaxxatur ta’ Kuba għan-Nazzjonijiet Uniti lill-ġurnal New York Times din il-ġimgħa. “Ir-retorika li tħeġġeġ il-gwerra ma tgħinx.”

L-akkuża fil-konfront ta' Castro, ħu l-mexxej rivoluzzjonarju mejjet Fidel ta’ 94 sena, hija l-aktar mossa aggressiva sa issa mill-Istati Uniti.

Castro, li serva bħala Ministru tad-Difiża fis-snin disgħin, kien akkużat li ordna t-twaqqigħ ta’ żewġ ajruplani fuq it-territorju Kuban fl-1996, li kienu qegħdin jittajru minn membri ta' Brothers to the Rescue, grupp ta’ eżiljati minn Florida li kienu kontra r-reġim ta’ Castro. Erba’ persuni mietu waqt l-inċident. Rekords pubbliċi juru li uffiċjali Kubani qalu li attakkaw l-ajruplani biss wara li ppruvaw jinnegozjaw it-tmiem tat-titjiriet mill-Istati Uniti b'mezzi diplomatiċi.

Meta ħabbar l-akkużi f’Miami nhar l-Erbgħa, l-aġent Avukat Ġeneral Todd Blanche faħħar l-azzjoni bħala pass importanti lejn il-ġustizzja, u qal li jemmen li Castro eventwalment jispiċċa fl-Istati Uniti sabiex jitressaq il-qorti. “Issa nħareġ mandat ta’ arrest għall-arrest tiegħu,” qal. “Għalhekk nistennew li jidher hawn, bir-rieda tiegħu stess jew b’xi mod ieħor.”

Iżda xi tfisser “mod ieħor” għadu mhux ċar, u Blanche qalet li dik kienet kwistjoni f'idejn id-dipartimenti tad-Difiża u tal-Istat.

Matt Duss, viċi president eżekuttiv fiċ-Ċentru għall-Politika Internazzjonali, think tank progressiv, qal li l-President Trump jidher li jinsab fuq triq tal-gwerra.

“Għal darb’oħra qiegħed jixħitna f’kunflitt mingħajr ebda raġuni valida,” qal Duss, u b’referenza għall-operazzjonijiet fil-Veneżwela u l-Iran, żied jgħid li l-uffiċjali tal-Istati Uniti “ma offrew l-ebda argument plawżibbli li Kuba jew xi wieħed mit-tliet pajjiżi jirrappreżentaw theddida”.

F’Marzu, Trump kien qal li se jkollu “l-unur li jieħu lil Kuba,” u żied jgħid, “nista’ nagħmel li rrid biha.” Nhar il-Ħamis, huwa ċaħad li l-amministrazzjoni tiegħu kienet qiegħda tfittex li tintimida lil Ħavana meta mistoqsi dwar il-pożizzjonament tal-USS Nimitz ħdejn Kuba.

“Lanqas xejn,” qal Trump lill-ġurnalisti waqt avveniment fl-Uffiċċju Ovali.

Imbagħad huwa kkaratterizza lil Kuba bħala “pajjiż fallut,” u qal li għal “raġunijiet umanitarji” l-amministrazzjoni tiegħu kienet qiegħda tfittex li “tgħinhom.” 

“Presidenti oħra ħarsu lejn dan għal 50, 60 sena, jagħmlu xi ħaġa,” huwa qal. “U jidher li se nkun jien li nagħmilha.”

Iżda dik li Trump iddeskriva bħala ''għajnuna'' ġiet ikkritikata minn bosta osservaturi internazzjonali bħala ''kudelta' insensata'' lejn Kuba; hekk kif bosta riżoluzzjonijiet min-naħa tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti b'mod ripetut u b'appoġġ globali wiesa' sejħu sabiex jintemm l-imblokk fuq Kuba.

Minkejja d-diffikultajiet imposti minħabba l-imblokk; li ilu għaddej sa mill-waqa' tar-reġim pro-Amerikan ta' Batista b'riżultat tas-suċċess tar-Rivoluzzjoni Kubana; Kuba rat avvanzi kbar li wasslu għal servizzi ta' saħħa b'xejn għal kulħadd, l-eradikazzjoni tal-illiteriżmu u d-distribuzzjoni tal-artijiet.

Kuba spiss ġiet imfaħħra bħala attriċi internazzjonali li appoġġjat lill-popli fit-Tielet Dinja matul l-era post-kolonjali, permezz ta' intervent militari favur Angola hekk kif ġiet invaduta mill-Afrika t'Isfel, l-appoġġ ta' Kuba għat-tmiem tal-era tal-Apartheid fl-Afrika t'Isfel u għal tmiem ta' okkupazzjonijiet barranin fil-Palestina, in-Namibja u s-Saħara tal-Punent.

Huwa stmat illi Kuba weħidha tipprovdi iżjed tobba u għajnuna medika għall-pajjiżi fin-Nofsinhar Globali mill-pajjiżi kollha f'daqqa tal-G7. Dawn jinkludu programmi mediċi mingħajr ħlas għall-popli fl-Amerika Latina u fl-Afrika.

Madanakollu, dawk li jikkritikaw it-tmexxija Kubana attwali jiddeskrivu l-mudell ekonomiku ċentralizzat bħala wieħed mhux sostenibbli, hekk kif Kuba ilha taffaċċja diffikultajiet minn mindu ddiżolviet l-Unjoni Sovjetika fl-1991; li kienet sieħba kummerċjali importanti għall-gżira. Bosta osservaturi jikkritikaw it-tmexxija wkoll abbażi tan-nuqqas ta' demokrazija pluralista u r-ripressjoni fil-konfront ta' drittijiet politiċi.

Ukoll nhar il-Ħamis, il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti kkonfermat kawżi li nedew kumpaniji Amerikani dwar il-konfiskazzjoni tal-proprjetà tagħhom matul ir-Rivoluzzjoni Kubana. Filwaqt li l-kawżi ma jixħtux obbligu fuq Kuba sabiex tipprovdi kumpens, dawn joħolqu uġigħ ta’ ras ieħor għall-gvern billi jagħmlu pressjoni fuq erba’ linji tal-kruċieri li qegħdin jiġu mħarrka talli kienu użaw il-Port ta’ Ħavana.

F’Kuba, ir-rabja lejn il-gvern Kuban u lejn l-Istati Uniti minħabba l-qtugħ tad-dawl u għexieren ta’ snin ta’ staġnar fl-ekonomija qiegħda tgħolli rasha, iżda sa issa, protesti sporadiċi ġew imrażżna .

Il-gvern, f’wirja ta’ forza li tixhed li għadu jgawdi l-appoġġ minn parti sostanzjali tal-poplu Kuban, qiegħed jorganizza protesta kbira sabiex jiddefendi lil Castro fuq il-promenade max-xatt ta’ Ħavana nhar il-Ġimgħa.

More in Barranin