In-Nazzjonijiet Uniti tadotta riżoluzzjoni li tikkundanna l-kummerċ tal-iskjavitù transatlantiku
Ir-riżoluzzjoni imressqa mill-Ghana ddeskriviet l-avveniment bħala ''l-aktar delitt gravi kontra l-umanità'' u ġiet appoġġjata minn 123 pajjiż fl-Assemblea Ġenerali, iżda sabet ukoll reżistenza mill-Istati Uniti u mill-Unjoni Ewropea; Malta segwiet il-linja tal-Unjoni Ewropea u astejniet
minn Eman Farrugia
Riżoluzzjoni proposta imressqa mill-Ghana fin-Nazzjonijiet Uniti nhar l-Erbgħa ġiet adottata minkejja r-reżistenza mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti. Malta segwiet il-linja tal-Unjoni Ewropea u astejniet milli tivvota.
Ir-riżoluzzjoni għandha l-għan sabiex titlob ir-rikonoxximent tal-kummerċ tal-iskjavitù transatlantiku bħala l-"aktar delitt gravi kontra l-umanità" u li titlob riparazzjonijiet minn eks-potenzi kolonjali.
Il-Ghana qalet li r-riżoluzzjoni kienet meħtieġa għaliex il-konsegwenzi tal-iskjavitù, li raw mill-inqas 12.5 miljun Afrikan meħuda u mibjugħa fuq perjodu ta' 400 sena bejn is-seklu 15 u s-seklu 19, għandhom jippersistu llum, permezz tal-effetti tan-neokolonjaliżmu fl-Afrika u r-razziżmu sistematiku li jirriżulta fin-nuqqas ta' ugwaljanza razzjali.
F'vot tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, 123 pajjiż appoġġjaw ir-riżoluzzjoni, illi mhijiex legalment vinkolanti iżda għandha piż politiku, filwaqt li l-Istati Uniti, Iżrael u l-Arġentina kienu l-unika tliet pajjiżi li opponewha. Waqt il-votazzjoni, 52 pajjiż astjena milli jivvota, inklużi l-istati membri kollha Unjoni Ewropea u r-Renju Unit.
Il-ministru tal-affarijiet barranin tal-Ghana, Samuel Ablakwa, qal li r-riżoluzzjoni qiegħda titlob sabiex tinġarr ir-responsabbiltà mill-eks potenzi kolonjali li kienu nvoluti fil-kummerċ tal-iskjavitu transatlantiku; inklużi l-Portugall, ir-Renju Unit, Franza, l-Olanda, l-Istati Uniti u d-Dannimarka.
Li kieku kellha tinġarr ir-responsabbilita' kellha tinġarr pro rata abbażi ta' min kellu l-iżjed sehem, il-Portugall huwa l-iżjed eks-potenza kolonjali li għandu jġorr responsabbilita'. Huwa maħsub illi bejn 40% u 47% tal-iskjavi ttrasportati bejn il-kontinent Afrikan u l-kontinenti Amerikani telqu minn portijiet f'eks-kolonji Portugiżi bħall-Angola u l-Kap Verd.
Justin Hansford, professur tal-liġi fl-Università ta' Howard, qal li r-riżoluzzjoni hija waħda sinifikanti peress li tirrappreżenta l-akbar pass tax-xorta tiegħu li għamlet in-Nazzjonijiet Uniti fir-rikonoxximent tal-kummerċ tal-iskjavitù transatlantiku bħala delitt kontra l-umanità u fis-sejħa għal riparazzjonijiet.
"Dan jimmarka l-ewwel vot fil-fora tan-Nazzjonijiet Uniti," qal Hansford. "Ma nistax nenfasizza iżjed kemm hu kbir dan il-pass."
Riżoluzzjoni li titlob apoloġiji u kumpens
Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Antonio Guterres qal lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li kienet meħtieġa "azzjoni ferm aktar kuraġġuża" minn aktar stati sabiex jiffaċċjaw inġustizzji storiċi. L-Olanda tibqa' l-uniku pajjiż Ewropew li ħareġ apoloġija formali għall-irwol tiegħu fl-iskjavitù.
Ir-riżoluzzjoni timmarka pass ġdid fl-isforzi tal-Afrika sabiex tfittex li tinġarr ir-responsabbiltà għall-inġustizzji storiċi minn eks-potenzi kolonjali wara li s-sena l-oħra, l-Unjoni Afrikana bdiet toħloq "viżjoni unifikata" fost il-55 stat membru tagħha dwar kif jistgħu jinkisbu r-riparazzjonijiet.
Ir-riżoluzzjoni tħeġġeġ lill-istati membri sabiex jinvolvu ruħhom fi djalogu dwar ir-riparazzjonijiet, inkluż il-ħruġ ta' apoloġiji formali, ir-ritorn ta' artefatti misruqa, l-għoti ta' kumpens finanzjarju, u l-iżgurar ta' garanziji ta' non-ripetizzjoni.
Filwaqt li sejħiet li ilhom għaddejjin għal riparazzjonijiet lill-Afrika kisbu iżjed appoġġ u attenzjoni f'dawn l-aħħar snin, hemm ukoll reazzjoni dejjem tikber min-naħa tal-Punent.
Diversi mexxejja tal-Punent opponew li jiddiskutu s-suġġett, b'dawk li jkunu kritiċi għar-riżoluzzjoni jargumentaw li l-istati u l-istituzzjonijiet tal-lum m'għandhomx jinżammu responsabbli għal żbalji storiċi.
Min-naħa l-oħra, dawk illi faħħru r-riżoluzzjoni insistew li l-legat tal-kolonjaliżmu mhuwiex fenomenu tal-passat fl-Afrika, iżda huwa fenomenu li għadu preżenti sal-lum.
Huma argumentaw li l-imperjaliżmu Ewropew evolva minn kontroll permezz ta' kolonji għal kontroll permezz ta' korporazzjonijiet trans-nazzjonali; li joperaw fil-kontinent u li ġew ikkritikati minn bosta osservaturi tad-drittijiet umani bħala sorsi qawwija ta' faqar, sfruttament u korruzzjoni fil-kontinent.
L-Unjoni Ewropea tqajjem tħassib ''legali u fattwali''
Kemm l-Unjoni Ewropea u kif ukoll l-Istati Uniti esprimew tħassib li r-riżoluzzjoni tista' timplika ġerarkija fost ir-reati kontra l-umanità, fejn xi wħud jiġu ttrattati bħala aktar serji minn oħrajn.
L-istoriku Babatunde Mesewaku, waqt li tkellem f'Badagry, belt kostali fin-Niġerja li serviet bħala port ewlieni tal-iskjavitù, qal li, fil-fehma tiegħu, huwa fatt illi l-kummerċ tal-iskjavitù transatlantiku huwa l-aktar delitt gravi kontra l-umanità. Huwa ddeskriva din l-atroċita' bħala waħda li rriżultat fil-qerda u l-istaġnar fil-progress fl-Afrika u lil hinn.
Huwa fakkar li dan kien mifrux fuq perjodu ta' aktar minn 500 sena. Huwa semma kif għexerien ta' miljuni ta' Afrikani ttieħdu bħala skjavi matul dan il-perjodu, u għamel referenza għal dawk li mietu fil-Passaġġ tan-Nofs huma u sejrin mill-Afrika għall-Amerika. Huwa stmat li bejn 1.2 miljun u 2.4 miljun skjav miet matul it-traġitt.
Ir-rappreżentant tal-Istati Uniti Dan Negrea qal li pajjiżu oġġezzjona għall-"użu ċiniku ta' żbalji storiċi bħala punt ta' ingranaġġ ... biex jiġu allokati mill-ġdid riżorsi moderni lil nies u nazzjonijiet li huma qraba mill-bogħod mal-vittmi storiċi."
Ir-rappreżentant tal-Unjoni Ewropea, Gabriella Michaelidou, qalet li l-blokk kien jappoġġja riżoluzzjoni li tenfasizza l-"iskala tal-atroċità" iżda qajmet tħassib "legali u fattwali", inkluż l-applikazzjoni retroattiva tal-liġi internazzjonali.
Il-Ghana ffaċċjat ukoll kritika talli appoġġjat il-ġustizzja għal żbalji tal-passat fuq il-palk dinji filwaqt li fl-istess ħin imbottat għal liġijiet aktar stretti kontra l-LGBTIQ+ f'pajjiżha.
In-nazzjonijiet Afrikani u tal-Karibew ilhom ifittxu li jistabbilixxu tribunal speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex jingaħataw r-riparazzjonijiet, u Ablakwa qal li r-riżoluzzjoni tista’ twitti t-triq għal “qafas riparattiv.”
“L-istorja ma tisparixxix meta tiġi injorata, il-verità ma tiddgħajjifx meta tittardja, il-kriminalità ma titmermirx... u l-ġustizzja ma tiskadix maż-żmien,” qal Ablakwa.
