Il-mexxej il-ġdid tal-Iran iwiegħed li se jżomm l-Istrett ta’ Hormuz magħluq

Il-mexxej suprem il-ġdid tal-Iran jgħid li l-Istrett ta’ Hormuz se jibqa’ mblukkat u jwiegħed aktar attakki fuq bażijiet militari tal-Istati Uniti fir-reġjun. Il-kmand militari tal-Iran qal illi d-dinja għandha tipprepara għal prezzijiet taż-żejt ta’ $200 kull barmil

Il-mexxej suprem tal-Iran Mojtaba Khamenei
Il-mexxej suprem tal-Iran Mojtaba Khamenei

Il-mexxej suprem il-ġdid tal-Iran, Mojtaba Khamenei, wiegħed li jżomm l-Istrett ta’ Hormuz magħluq u bħala tpattija għal dawk li qegħdin jinqatlu fl-attakk li għaddej bejn l-Istati Uniti u l-Iżrael fuq pajjiżu, fl-ewwel dikjarazzjoni pubblika tiegħu minn meta ħa post missieru maqtul.

Fi stqarrija li nqrat minn preżentatur fuq ix-xandir tal-istat Iranjan, Khaemeni sostna li l-għan aħħari huwa li titkompla d-difiża effettiva tal-forzi Iranjani kontra l-Istati Uniti u l-Iżrael sabiex ''l-għadu jiddispjaċih''. Huwa kompla jgħid illi l-imblukkar tal-Istrett ta’ Hormuz trid tkompli tibqa' fis-seħħ bħala kastig ekonomiku kontra l-għedewwa tal-Iran.

Dawn kienu l-ewwel rimarki tiegħu minn meta ħa f’idejh il-kariga ta’ mexxej suprem wara l-mewt ta’ missieru, l-Ayatollah Ali Khamenei, li nqatel fil-kampanja ta’ bumbardament li tnediet milll-Istati Uniti u l-Iżrael li bdiet fl-aħħar ta’ Frar.

Uffiċjali Iranjani qalu li Khamenei ż-żgħir indarab ħafif fl-attakk, u huwa kkonferma fid-diskors tiegħu li martu, oħtu, u membri oħra tal-familja tiegħu nqatlu wkoll.

Huwa qal lill-poplu Iranjan li mhux se jittraskura l-vendetta “għad-demm tal-martri,” u wissa li l-pajjiżi ġirien li jospitaw bażijiet militari tal-Istati Uniti jridu jagħlquhom jew jiffaċċjaw attakki Iranjani kontinwi. Huwa qal ukoll li “ammont limitat” ta’ vendetta tal-Iran diġà “ħa forma konkreta,” iżda li l-kwistjoni tibqa’ prijorità sakemm tintlaħaq għalkollox.

Ftit wara d-diskors tiegħu, il-Gwardji Rivoluzzjonarji tal-Iran ikkonfermaw li se jżommu l-istrett magħluq skont l-ordnijiet tiegħu.

Id-dikjarazzjoni żiedet mal-pressjoni fuq is-swieq globali taż-żejt. L-Istrett ta’ Hormuz; illi jgħaqqad il-Golf Persjan mal-Baħar Għarbi; huwa l-aktar rotta importanti tal-kummerċ tal-enerġija fid-dinja, li ġġorr madwar wieħed minn kull ħamsa tal-provvisti globali taż-żejt.

L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija ddeskriviet it-tfixkil ikkawżat mill-kunflitt bħala l-akbar wieħed fil-provvisti globali tal-enerġija fl-istorja. Nhar il-Ħamis, il-prezzijiet taż-żejt reġgħu telgħu għal aktar minn $100 kull barmil.

Żewġ tankers ingħataw in-nar f'port fil-provċinja ta' Basra fl-Iraq, wara attakki minn dgħajjes suspettati Iranjani mgħobbija bl-isplussivi, u tliet vapuri oħra ntlaqtu fil-Golf Persjan. Il-Gwardji Rivoluzzjonarji tal-Iran ħadu r-responsabbiltà għal mill-inqas wieħed minn dawk l-attakki.

L-Iraq u l-Oman għalqu t-terminals taż-żejt wara l-inċidenti. Bastiment ieħor irrapporta li ntlaqat ħdejn l-Emirati Għarab Magħquda.

It-tfixkil ippersista minkejja intervent kbir minn 32 stat membru tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (IEA), li ħabbru r-rilaxx ta' 400 miljun barmil mir-riżervi strateġiċi tagħhom, l-akbar pass ikkoordinat bħal dan fl-istorja.

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump ripetutament fittex li jikkalma s-swieq, billi argumenta li l-Istati Uniti, bħala l-akbar produttur taż-żejt fid-dinja, se jibbenefikaw minn prezzijiet ogħla. Huwa kiteb fuq il-midja soċjali li t-twaqqif tal-Iran milli jikseb armi nukleari kien ta' "interess u importanza ferm akbar" għalih milli l-ispiża dejjem tiżdied taż-żejt.

Huwa talab ukoll lill-Iran sabiex iċċedi mingħajr ebda kundizzjonijiet u sostna li l-gwerra diġà ntrebħet, għalkemm ma offra l-ebda pjan ċar sabiex jintemm il-kunflitt jew jerġa’ jinfetaħ l-istrett.

Il-kmand militari tal-Iran qal illi d-dinja għandha tipprepara għal prezzijiet taż-żejt ta’ $200 kull barmil.

More in Barranin