Malta u l-Ewropa jridu jlestu ruħhom għal kwalunkwe eventwalità b’iżjed sigurtà, jgħid professur tal-Ekonomija

Il-Professur Philip von Brockdorff u l-Eks Ambaxxatur Clive Aquilina Spagnol jitkellmu fuq il-konsegwenzi tal-kunflitt bejn l-Iran u Iżrael

Il-Professur tal-Ekonomija Philip von Brockdorff tana ħarsa lejn l-effetti ekonomiċi li se jħalli dan il-kunflitt. “L-impatt immedjat tal-gwerra fil-Lvant Nofsani huwa ż-żieda fil-prezz tal-prodotti tal-petroljum ikkawżati minn restrizzjonijiet fuq il-provista ta’ dan,” hu spjega kif il-prezz taż-żejt diġà tela’ għal 90$ għal barmil imma qed jistenna li jkompli jiżdied. 

Hu qal li dawn huma biss spekulazzjonijiet hekk kif xejn mhu ċert bħalissa, speċjalment fuq il-gwerra fejn m’aħniex ċerti jekk hux se tispiċċa issa jew tibqa’ għaddejja u toħloq restrizzjonijiet fuq it-titjiriet.  

Il-Professur Philip von Brockdorff
Il-Professur Philip von Brockdorff

“L-agħar ħaġa għall-Ewropa huwa attakk terroristiku minn gruppi appoġġjati mill-Iran fl-Ewropa.” Hu wissa li l-Ewropa u Malta għandha bżonn tħejji ruħha għal kwalunkwe eventwalità, filwaqt li hu jara li attakk fuq Malta huwa improbabbli. L-ikbar effett li se tara Malta huwa fiż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti importati minħabba prezzijiet ogħla tal-fuel. Iktar ma ddum il-gwerra, iktar jogħlew il-prezzijiet.  

Von Brockdorff qal li jekk nistgħu nużaw il-każ tal-pandemija bħala x’nistgħu nistennew mill-gwerra, wieħed jista’ jistenna li s-settur tal-kostruzzjoni se jerġa’ jaċċellara sabiex jappoġġja t-tkabbir ekonomiku. “L-ekonomija tagħna tiddependi ħafna fuq il-konsum. Is-settur tal-kostruzzjoni jipprovdi għall-konsum b’attivitajiet ekonomiċi u jibqa’ s-settur fejn fatturi esterni għandhom ftit li xejn impatt u l-marġini tal-profitti jibqgħu għolja,” huwa kkonkluda. 

Clive Aquilina Spagnol, l-Eks Ambaxxatur ta’ Malta għall-Arabja Sawdija, il-Jemen u l-Bahrain tkellem ukoll mal-gazzetta ILLUM fuq is-sitwazzjoni prekarja fl-Iran. “Ir-raġuni preċiża jafuha biss Iżrael u l-Istati Uniti,” hu qal. Aquilina Spagnol spjega kif f’sitwazzjonijiet bħala dawn anke l-komunikazzjoni uffiċjali taf tkun imqarrqa b’raġunijiet ulterjuri.  

L-eks Ambaxxatur Clive Aquilina Spagnol f'laqgħa mal-President Emeritus George Vella
L-eks Ambaxxatur Clive Aquilina Spagnol f'laqgħa mal-President Emeritus George Vella

Minn dak li ntqal s’issa fuq is-sitwazzjoni, Aquilina Spagnol qal li l-Iran ilha taħdem sabiex tarma lilha nfisha b’armi nukleari, kif ukoll li t-tmexxija tal-Iran hija waħda imprevedibbli u malinn b’referenza diretta għar-reġim teokratiku li ilu bir-renji tal-pajjiż f’idejh mir-rivoluzzjoni tal-1979. 

“Mill-bidu tar-reġim Iżlamiku Iranjan wara li mbotta ’l hemm it-tmexxija monarkika tas-Shah Pahlavi, l-Iran wettaq episodju ta’ ostilità kontra l-Amerka saħansitra bi qtil ta’ ċittadini u suldati Amerikani. Dan l-aġir Iranjan ma kienx biss minħabba differenzi ta’ ideoloġija politika u twemmin reliġjuż imma anke minħabba pika ta’ poter, fejn l-Irajn dejjem ra l-influwenza Amerikana fir-reġjun bħala theddida għall-ambizzjonijiet tiegħu li jkun il-potenza superjuri fil-Lvant Nofsani,” irrakkonta l-Eks Ambaxxatur.  

Hu kompla fejn qal li r-relazzjoni b’saħħitha bejn l-Amerka u Iżrael ma għenitx il-perspettiva tal-Iran rigward l-Istati Uniti. Aquilina Spagnol qal li minħabba t-twemmin fundamentali Iżlamiku tar-reġim tal-Iran, l-istess reġim ma setax iniżel l-Istat ta’ Iżrael b’territorju ġeografiku fil-Lvant Nofsani b’saħħa politika u militari li bdiet twassal għall-pajjiżi Għarab tal-Golf sabiex jersqu iżjed lejn l-istat Lhudi. 

Aquilina Spagnol irrikonoxxa l-ostilità bejn l-Iran u l-pajjiżi l-oħra tal-Golf minħabba raġunijiet ta’ etniċitàfejn l-Iranjani ġejjin mill-etniċità Persjana u l-pajjiżi ġirien tal-Iran ġejjin mil-etniċità Għarbija. Barra minn hekk, hu qal li għalkemm dawn il-pajjiżi jħaddnu r-reliġjon Iżlamika, l-Iran tħaddan interpretazzjoni differenti ta’ dan ir-reliġjon, dik magħrufa bħala Shia fejn il-pajjiżi l-oħrajn iħaddnu d-diviżjoni Sunni. Hu kkonkluda l-lista ta’ raġunijiet bl-iżjed waħda taħraq, dik ta’ politika fejn l-Iran jattakka pajjiżi tal-Golf minħabba l-ħbiberija tagħhom mal-Amerka, b’bażijiet militari Amerikani imma wkoll l-investiment kummerċjali kbir Amerikan.  

Id-diplomatiku enfasizza l-irwol tal-Amerka f’dan il-kunflitt fejn qal li s-superpotenza hija l-perċimeż wara dan kollu, li avolja kien Iżrael li waddab l-ewwel ġebla lejn l-Iran, hu ċert li kien hemm ftehim politiku u militari preċiż bejn l-Amerka u Iżrael qabel ma sar dan kollu. “Ikun żball jekk wieħed iħares lejn l-Amerka bħala aggressur biss, jew bħala pajjiż li għandu biss interessi kummerċjali fir-reġjun,” analizza Aquilina Spagnol. 

Huwa ddeskriva s-sitwazzjoni preċedenti fil-peniżola Għarbija bħala “kaldarun ibaqbaq”, u li din l-inizjattiva jista’ għandha l-mira li t-tmexxija tal-Iran tinbidel għal waħda iżjed moderata bi prinċipji iżjed liberali u koperattivi, valuri li jħaddnu pajjiżi tal-Lvant. 

Aquilina Spagnol qal li t-triq tal-paċi hija ideali għal dan ir-reġjun polarizzat avolja r-reġim Iranjan mhux qed jgħin sabiex jintlaħaq kompromess, u għalhekk tmexxija iżjed “moderata u moderna fl-Iran tkun ta’ għajnuna”. Huwa qal li l-bażijiet militari Amerikani mhux qed jgħinu din is-sitwazzjoni taħraq, u li minflok il-pajjiżi tal-Golf għandhom jarmaw ruħhom weħedhom sabiex ikunu kapaċi jiddefendu lilhom infushom mingħajr għajnuna barranija.  

Tal-istess idea kien il-Kurunell David Attard li tkellem fuq il-programm Xtra din il-ġimgħa. Hu qal li l-Amerikani wkoll irrikonoxxew il-bżonn ta’ tibdil fir-reġim Iranjan. Avolja fil-bidu tal-kunflitt kien inqatel il-mexxej tal-Iran, dan l-irwol mill-ewwel reġa’ mtela. Kemm il-kurunell, kif ukoll il-MPE Daniel Attard, ikkonfermaw li l-potenzi militari Amerikani qed jikkomunikaw mal-komunità Kurda fl-Iran flimkien ma’ minoritajiet etniċi oħra fil-pajjiż u jarmawhom sabiex iqajmu rivoluzzjoni fl-art filwaqt li l-Amerka u Iżrael jattakkaw mill-ajru.  

Il-Kurunell kien skjett fi kliemu fejn qal li l-Amerka lesta għal din “il-gwerra totali”, fejn qed jistennew li jkomplu għaddejjin mill-inqas sa sitt ġimgħat oħra. L-unika restrizzjoni li qed jaffaċċjaw il-poteri militari Amerikani huma dawk ta’ riżorsi fejn il-missili avvanzati diġà qed jispiċċaw u kellhom jirrikorru għall-missili iżjed tradizzjonali b’teknoloġija minima.  

 

More in Barranin